Prinċep Belġjan pożittiv għall-coronavirus wara festin

Prinċep Belġjan instab pożittiv għall-coronavirus wara li attenda festin fil-perjodu ta’ lockdown fi Spanja, skont il-palazz irjali tal-pajjiż.

Ġurnali internazzjonali rrappurtaw li l-Prinċep Joachim, li għandu 28 sena, siefer mill-Belġju lejn Spanja għal apprentistat fis-26 ta’ Mejju. Jumejn wara hu attenda festin fil-belt ta’ Córdoba qabel ma ħareġ pożittiv għall-coronavirus.

Ir-rapporti fi Spanja qed jissuġġerixxu li l-prinċep, li huwa n-neputi tar-Re Philippe tal-Belġju attenda festin fejn kien hemm madwar 27 persuna. Skont ir-regoli tal-lockdown fil-belt, festin tat-tip jikser ir-regoli. Dan hekk kif ma jistax ikun hemm laqgħat fi gruppi ta’ aktar minn 15-il persuna.

Il-pulizija fi Spanja bdew investigazzjoni dwar il-party. Dawk li jinstab li kisru r-regoli ta’ kwarantina jistgħu jeħlu sa massimu ta’ €10,000. Kull min kien preżenti bħalissa jinsab fi kwarantina.

Il-Prinċep Joachim huwa l-iżgħar iben tal-Prinċipessa Astrid u jinsab fl-10 post fil-linja biex jieħu f’idejh it-tron fil-Belġju. Hu jidher li għandu sintomi ħfif tal-virus.

Rappreżentanta tal-gvern Spanjol f’Córdoba ikkundannat dan il-festin u sostniet li dawk kollha li attendew huma persuni irresponsabbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn