Prim Ministru ġdid għall-Iżlanda qabel tissejjaħ elezzjoni bikrija

Il-Koalizzjoni fit-tmexxija fl-Iżlanda għażlet lil Sigyrdur Ingi Johannsson bħala l-Prim Ministru l-ġdid sakemm tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija li mistennija ssir bejn Ottubru u Diċembru li ġej.
Johannsson għandu 53 sena u fl-aħħar snin serva bħala Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd u bħala Viċi Kap tal-Partit Progressiva.
Huwa ġie maħtur Prim Ministru wara r-riżenja ta’ Sigmundur Gunnlaugson fid-dawl tad-dokumenti żvelati din il-ġimgħa dwar kontijiet u kumpaniji fil-Panama minn mexxejja u politiċi minn madwar id-dinja.
Skont id-dokumenti żvelati, l-eks Prim Ministru kellu kumpanija sigrieta fil-Panama flimkien ma’ martu.
Huwa ma kienx iddikjara dan meta sar Membru Parlamentari u baqa’ jiddefendi lilu nnifsu u jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina.
Minkejja dan huwa qed ikun akkużat ħeba miljuni ta’ ewro f’investimenti u li kellu kunflitt ta' interess marbut mal-kollass tal-banek Iżlandiżi wara l-kriżi finanzjarja. Fl-2009, hu għadda l-ishma tiegħu, ta' nofs il-kumpanija, lil martu għall-prezz ta' $1.