Prim Imħallef Emeritu se jmexxi l-investigazzjoni fuq l-allegat tixħim ta’ ġurnalist

Gianluca Caruana Curran Charles Mercieca Vincent Degaetano
Ritratt fl-isfond: Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Prim Imħallef Emeritu Vincent de Gaetano se jmexxi l-kumitat li qed jinvestiga l-aġir tal-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca fuq l-allegat tixħim ta’ ġurnalist.

Nhar it-Tlieta l-gazzetta Times of Malta ppubblikat artiklu li jgħid li l-ġurnalist tat-Times Ivan Martin ġie offrut sett ta’ karti tal-€500 mill-Avukat Caruana Curran fi tmiem laqgħa li kellhom.

L-Avukati Caruana Curran u Mercieca qed jirrappreżentaw lin-negozjant Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huma kkonfermaw li Dr Caruana Curran offrielu l-flus, iżda huwa qal li ma kienx jaf kif għandu jmur mal-ġurnalisti, u li waqt il-laqgħa ħasbu li kienu qegħdin jaqblu ma’ Martin li dan se jgħinhom biex ma jkunx hemm rappurtaġġ daqshekk negattiv fuq Fenech.

Id-Difiża ta’ Fenech akkużat lill-ġurnalist li qed jisfrutta mill-qasam ġurnalistiku biex jagħmel il-ħsara lill-integrità tad-Difiża, b’tali mod li jimmina li ssir ġustizzja ma’ Fenech fil-proċess ġudizzjarju.

Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija, u anke mill-Kumitat għall-Avukati u l-Prosekuturi Legali.

Dan il-Kumitat huwa sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Il-Kumitat huwa magħmul minn membru appuntat mill-Kummissjoni, membru appuntat mill-Avukat Ġenerali, u tliet membri appuntati mill-Kamra tal-Avukati. Il-persuna li tmexxi l-Kumitat tintgħażel mill-membri.

Il-Prim Imħallef Emeritu kien imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.