Prijorità ewlenija: l-emendi fil-ħatriet tal-ġudikatura – Abela

DOI - Jeremy Wonnacott

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin għandha tkun l-emendi fil-ħatriet tal-ġudikatura. Dan ħareġ fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.

F’din l-ewwel laqgħa l-kabinett qabel mal-proposta tal-Prim Ministru, li jitwaqqaf kumitat dwar il-Governanza. Dan sabiex jieħu rendikont tal-miżuri li diġà twettqu u dawk li għad iridu jitwettqu skont ir-rapporti li saru mill-Kummissjoni Venezja u mill-GRECO u fil-kuntest tat-taħditiet li kien hemm fil-kumitat immexxi mill-President George Abela dwar tibdil kostituzzjonali.

Il-Kabinett iddeċieda li l-kumitat jitmexxa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, u jkun kompost mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju tal-Kabinett Mario Cutajar.

Wara din il-laqgħa, il-Prim Ministru saħaq fuq il-governanza b’saħħitha fl-oqsma kollha tat-tmexxija tal-Gvern u tal-amministrazjoni pubblika. Żied li huwa d-dmir ta’ kull Ministru u Segretarju Parlamentari li jara l-ħidma fl-oqsma tagħhom qed issir b’reqqa u b’kontabilità skont kif titlob il-ilġi.

Waqt din il-laqgħa l-Prim Ministru reġa’ laqgħa l-istudenti mill-Iskola Primarja San Inazju ta’ Ġal Qormi fil-Berġa ta’ Kastilja.