Priġunieri vittmi tal-prostituzzjoni se jingħataw għajnuna mis-sorijiet

DOI: Jason Borg"

Nisa li esperjenzaw il-prostituzzjoni u qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija se jibdew jibbenefikaw minn servizz speċjalizzat biex jgħinhom. Dan skont ftehim ta’ €40,000 iffirmat dalgħodu bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u s-Sorijiet tal-Karità.

Dan hu l-ewwel programm ta’ din ix-xorta provdut mill-istat li għandu l-iskop li jgħin persuni li jridu joħorġu mill-prostituzzjoni jagħmlu dan. Dawk li jibbenefikaw minnu se jiksbu taħriġ f’xogħol tal-idejn, f’ħiliet bażiċi, kif ukoll preparazzjoni għall-isfidi marbutin mal-ħajja lil hinn mill-prostituzzjoni.

Is-servizz se jkun offrut mis-Sorijiet tal-Karità li diġà jagħmlu ħidma kbira ma’ persuni vulnerabbli li jinsabu fil-prostituzzjoni, b’mod speċjali bl-operat ta’ Dar Hosea. Il-priġunieri se jkollhom l-opportunità li jirċievu assistenza minn professjonisti u jibnu relazzjoni magħhom li tkun utli għalihom wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom.

Is-Segretarjat Parlamentari għaddej b’aktar diskussjonijiet fi ħdan il-Gvern sabiex jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta’ servizzi permanenti għall-vittmi tal-prostituzzjoni. Fid-diskors tagħha waqt l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli semmiet kif il-Gvern qed jaħdem mill-qrib ma’ entitajiet non-governattivi sabiex l-għajnuna tasal għand min għandu bżonnha b’mod effettiv. Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li hu jemmen ħafna fil-volontarjat.

Il-ftehim dwar dan il-programm ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Vince Muscat u Suor Salvina Bezzina f’isem is-Sorijiet tal-Karità, fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, u d-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin il-Kurunell Alex Dalli.