Priġunieri qed jibnu 250 konfessjonarju għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Priġunieri fil-Panama jgħinu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Priġunieri li bħalissa qed jiskontaw sentenzi fil-ħabsijiet ta’ La Joya u Nueva Joya fil-Panama bdew jibnu 250 konfessjonarju biex jintużaw għall-qrar fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir f’Panama City ix-xahar id-dieħel.

Meta jitlestew il-konfessjonarji se jitpoġġew f’Omar Recreation Park, fil-kapitali tal-pajjiż li għal din l-okkażżjoni se tissejjaħ “Forgiveness Park”.

Total ta’ 25 priġunier qed jaħdmu fuq dan il-proġett bejn it-8.00 a.m. u l-4.00 p.m., kuljum. Ix-xogħol li qed jagħmlu jikkonsistu filli jgħaqqdu l-konfessjonarji, jixkatlawhom, jiżbugħom u jpoġġu salib fuq kull wieħed minnhom.  Ix-xogħol hu kollu fl-injam.

Il-konfessjonarji kienu disinjati minn Lilibeth Bennett li fil-fatt ipproduċiet żewġ mudelli b’ispirazzjoni mill-logo tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u użat anke l-istess kuluri tal-logo.

Priġunieri li qed jaħdmu fuq il-konfessjonarji qalu li dan mhux sempliċement xogħol fl-injam imma qed jagħtihom l-opportunità li jikkontribwixxu għal proġett immirat lejn iż-żgħażagħ biex jgħinhom “jaqbdu triq differenti”  minn dik li qabdu huma.

“Avolja aħna mhux se nkunu preżenti għal dan l-avveniment, xorta nħossu li qed nagħmlu xi ħaġa importanti. Jien nirringrazzja ‘l Alla għal din l-opportunità li ta lilna l-priġunieri li nikkontribwixxu għal xi ħaġa tant importanti bħalma hu l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ”. Dan qalu Luis Dominguez, priġunier li qed jieħu ħsieb ix-xogħol tal-ixkatlar u ż-żebgħa.

Jesús Ramos, priġunier ieħor li qed jgħin fil-bini tal-konfessjonarji, qal li għalkemm hu mhux Kattoliku, iħossu konvint mill-importanza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. “Jien grat li aċċettawni biex naħdem fuq dan il-proġett għax b’hekk tgħallimt nuża l-għodda u naħdem b’rispett flimkien ma’ sħabi.  Inħossni inkluż u kuntent li qed naħdem għal Alla”.

Alma De Leon, li qed tikkoordina din il-ħidma spjegat li dan ix-xogħol qed isir bl-għajnuna ta’ ‘instructor’ mill-Istitut Nazzjonali għall-Formazzjoni Professjonali u l-Iżvilupp Uman, u hu mod kif wieħed juri l-ħiliet tal-persuni li hemm il-ħabs.