Priġunier tiġih tajba wara żball fil-ħin

Priġunier li kien akkużat li mexxa d-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma nstabx ħati wara li l-Qorti nnuttat żball amministrattiv fil-lista tal-akkużi.
Il-Priġunier kien reġa’ tressaq il-Qorti akkużat li ttraffika l-eroina u li sar riċediv.
Fil-Qorti nstema, kif fis-17 t’Ottubru fl-10.30pm, uffiċjal mill-Faċiltà Korrettiva ta’ Kordin ġih suspett wara li l-priġunier kien qed iqassam xi sigaretti lil priġunier ieħor.
Wara li saru xi spezzjonijiet, instab li dawn kien fihom sustanza kannella li wara aktar testijiet irriżulta li kienet eroina.
Iżda ġara li meta nkitbet l-akkuża, il-ħin imniżżel kien wieħed żbaljat.
Il-Maġistrata Natasha Galea Sciberras sostniet li mhux qed tikkontesta l-istqarrijiet mill-pulizija.  Minkejja dan żiedet tgħid li l-fatt li l-akkużi jirreferu għal ħin skorett ma jistax jiġi injorat.
Irreferiet għall-ġurisprudenza li akkużat ma jistax jinstab ħati meta l-akkużi ma jirreferux għall-ħin relevanti, post u għall-fatti tal-każ.
Il-Maġistrata ordnat li d-droga tiġi meqruda u li r-raġel jinħeles minn kull akkuża.
Ritratt: Arkivji