Mewt fil-ħabs: Repubblika tisħaq li d-direttur għandu jitneħħa minnufih

Aġġornat 02:38 PM

l-awtortiajet jispegaw għala ma kellmux lill-familja

Faċilitià Korrettiva ta' Kordin

L-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika qed tirrakomanda li d-direttur tal-ħabs, il-Kurunell Alex Dalli, għandu jitneħħa wara l-mewt tal-11-il priġunier taħt it-tmexxija tiegħu.

Ihtisham Ihtisham, raġel ta’ 25 sena ta’ nazzjonalità Pakistana, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu nhar il-Ħamis. Ihtisham kien qed jiskonta sentenza ta’ 6 xhur ħabs fuq dokumenti tal-ażil iffalsifikati, u kien mistenni jinħeles fil-Milied.

Repubblika fakkret li ħafna mill-imwiet li seħħew taħt it-tmexxija ta’ Dalli baqgħu “inspjegati jew inspjegabbli.” Żiedet li filwaqt li tinfetaħ inkjesta maġisterjali kull meta sseħħ mewt, għadha ma ħarġet l-ebda aħbar li ngħalqet xi waħda minn dawn l-inkjesti u x’kien l-eżitu tagħha.

“L-imwiet iseħħu fis-segretezza tal-ħabs u l-istħarriġ tal-imwiet isir fis-segretezza istituzzjonali tal-maġistratura,” qalet l-għaqda.

B’hekk insistiet li l-gvern m’għandux jistenna aktar biex jiddetermina li jeżistu fallimenti sistematiċi li qed iwasslu għal dawn l-imwiet.

“Ninkwetaw fuq dawk li mietu. Imma ninkwetaw ukoll fuq il-priġunieri kollha sottoposti għal trattament li seta’ wassal lil wisq nies ineħħu ħajjithom b’idejhom,” stqarret Repubblika.

Qalet li hemm bżonn urġenti li jiġi vverifikat jekk hemmx tmexxija li tammonta għal tortura jew abbuż sistematiku.

Repubblika qed tinsisti li

  • Dalli jitneħħa minnufih;
  • L-amministrazzjoni tal-ħabs taħdem għal xi żmien taħt is-sorveljanza ta’ Kumitat Parlamentari li jisma’ l-amministratturi tal-ħabs u esperti fl-amministrazzjoni tal-ħabs u fil-ħidma soċjali biex jassigura s-salvagwardja tal-ħajja u tad-drittijiet fundamentali tal-priġunieri;
  • Titqabbad inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs u dwar l-amministrazzjoni tiegħu;
  • Jitwettqu r-riformi li hemm bżonn “biex ikollna ħabs li jitratta l-priġunieri b’dinjità u umanità.”

Il-familja ssir taf bil-mewt taż-żgħażugħ mill-avukat

Intant, l-avukat ta’ Ihtisham ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li la hu u lanqas il-familja ma kienu infurmati bil-mewt taż-żgħażugħ.

L-avukat Jacques Grima spjega li wara li ra artiklu online, kien hu li kkuntattja lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jikkonferma jekk il-persuna li nstabet mejta kinitx il-klijent tiegħu.

Grima żied li għadha għaddejja inkjesta dwar il-mewt ta’ Ihtisham u għalhekk wieħed irid jistenna sakemm ikun hemm aktar fatti dwar dak li ġara.

L-avukat spjega li l-familja tal-priġunier kienu ixxukkjati u konfużi u ma setgħux jifhmu kif il-ġurnata ta’ qabel huwa kien mimli enerġija u pożittiv. Żied li l-familja spjegat li huwa ma qallhom xejn seta’ jnissel tħassib u għalhekk ma setgħux jifhmu x’ġara.

Grima enfasizza li l-familja ta’ Ihtisham ikkonfermaw li r-raġel ma kellux kundizzjonijiet mediċi li keinu jafu bihom.

Il-priġunier ma kienx għadda dettalji tal-qraba – L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi

Min-naħa tagħha, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li waqt il-proċessi uffiċjali li jsiru meta xi ħadd jiddaħħal il-ħabs, Ihtisham ma kienx għadda d-dettalji dwar il-qraba tiegħu.

“Għalhekk wara l-mewt skattaw il-proċeduri normali fejn il-pulizija bħala parti mill-investigazzjoni tagħha tagħmel kuntatt mal-Konsulat tal-pajjiż konċernat biex ikunu identifikati u mgħarrfa l-qraba,” qalet l-aġenzija.

“Dan hu l-uniku mod uffiċjali kif setgħu jkunu mgħarrfa l-qraba ladarba ma ngħataw l-ebda dettalji lill-aġenzija.”