Priġunier ieħor bl-influwenza A H1N1 fl-isptar Mater Dei

Tmien priġunieri qed jingħataw it-trattament tal-influwenza wara li sejħu għall-assistenza tat-tabib. Dan tennieh il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fejn żied jgħid li lbieraħ iddaħħal priġunier li għandu storja ta’ ażżma u qed jingħata l-kura fid-Dipartiment għall-Kontroll tal-Infezzjonijiet.
Carmelo Abela spjega li wieħed mill-priġunieri qed juri s-sintomi tal-influwenza A H1N1.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, it-tmien priġunieri ġew eżaminati mit-tabib.
Il-Ministeru spjega li l-Ħadd li għadda, il-priġunier li tilef ħajtu, kien qed ibati minn diffikultà fin-nifs. Wara ssejħet għall-assistenza tat-tabib u ttieħed l-isptar Mater Dei bl-ambulanza. Wara suspett li l-priġunier kien qed ibati minn attakk tal-qalb, irriżulta li kien qed ibati minn influwenza qawwija f’sidru. L-awtopsja fuq ir-raġel mistennija ssir illum. Għal dan il-każ infetħet inkjestà mill-Maġistrat Audrey Demicoli.
B'referenza għall-priġunier l-ieħor li ddaħħal l-isptar iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru qal li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u qiegħed f’qgħada kritika iżda stabbli.
Il-Ministru stqarr li sar kulma kien hemm meħtieġ biex jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha billi ngħatat it-tilqima tal-influwenza lill-priġunieri u lill-ħaddiema kollha tal-Faċilità Korrettiva.
Spjega kif f’Novembru li għadda 96 priġunier u 13-il uffiċjal ingħataw t-tilqima.
Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li l-influwenza tvarja minn sena għal oħra u tiġi affettwata bejn 20% u 25% tal-popolazzjoni. 
Fl-isptar Mater Dei, tlieta kienu qed ibatu mill-influwenza A H1N1. Filwaqt li wieħed miet, ieħor ħareġ mill-isptar u pazjent ieħor qed jingħata l-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Il-Ministru għall-Intern, Carmleo Abela tenna li  l-Gvern u l-Faċilità Korrettiva m’għandhomx xejn x’jaħbu.
Stqarr li l-Partit Nazzjonalista minflok qed jgħin, qed ifixkel u huwa għami bil-politika partiġjana li biha qed jitbiegħed mill-verità minflok jippreżenta l-fatti.



Ritratt: DOI Pierre Sammut