Priġunier Ġermaniż identifikat suspettat fil-każ ta’ Madeleine McCann

Read in English.

Priġunier Ġermaniż ta’ 43 sena li vvjaġġa lejn il-Portugall b’camper jinsab fil-qofol tal-investigazzjoni ta’ Scotland Yard fl-għajbien ta’ Madeleine McCann.

Il-Pulizija jemmnu li r-raġel kien fil-viċinanzi tar-resort li kienet fiha t-tifla ta’ tliet snin li sparixxiet f’Mejju 2007. Huma qed jappellaw lill-pubbliku għall-informazzjoni dwar il-vann u l-Jaguar li hija vettura oħra tas-suspettat.

L-ispettur li qed imexxi l-investigazzjoni qal li xi ħadd hemm barra jaf aktar minn dak li hu magħruf sa issa.

Il-Pulizija Ingliża għadha tinsisti li żżomm il-każ ta’ Madeleine McCann bħala “persuna mfittxija” minħabba li m’għandhiex “evidenza definittiva” dwar jekk Madeleine għadhiex ħajja jew le.

Dan filwaqt li l-Pulizija Ġermaniża kklassifikat dan il-każ bħala omiċidju.

Madeleine ilha mitlufa mit-3 ta’ Mejju 2007 meta hija kienet mal-familja tagħha għal vaganza f’resort fil-villaġġ Praia de Lux fil-Portugall.