Priġunier f’Kordin bil-coronavirus

Kordin-Correctional-Facility-5
Miguela Xuereb

Priġunier ta’ 28 sena mill-Eġittu instab pożittiv għall-Covid-19 mal-wasla tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara li daħal fuq arrest fl-aħħar jiem.

Dan it-tagħrif ingħata lil Newsbook.com.mt mill-kelliema għall-Ministeru tal-Intern.

Il-kelliema spjegat li bħala proċedura ġenerali kull priġunier li jidħol fil-ħabs jinżamm iżolat biex isiru t-testijiet mediċi meħtieġa u tkun magħrufa l-kundizzjoni tas-saħħa tal-persuna. Il-ħaddiema u l-uffiċjali korrettivi kollha li kellhom kuntatt ma’ dan il-priġunier użaw ilbies protettiv u ħadu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji skont il-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, inkluż il-proċess ta’ dekontaminazzjoni.

Skont sors ta’ Newsbook.com.mt, minħabba din is-sitwazzjoni, saru xi swab tests fuq uffiċjali tal-ħabs u xi priġunieri oħra.

Ġie spjegat li l-awtoritajiet se jibqgħu isegwu l-istat ta’ saħħa ta’ dan il-priġunier, li se jibqa’ jinżamm iżolat.  

Lejn tmiem Awwissu, kien hemm ħames ħaddiema tal-ħabs li kellhom il-coronavirus. Sa dak il-punt kienu saru 600 swab test fuq ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u priġunieri.