Prezzijiet sa €170,000; ​Ta’ Maġġi jgħidu li l-prezz għadu mhux iffissat

Francis Gauci li huwa l-imprenditur mill-kumpanija Ta’ Maġġi li hija l-operatur tal-Park Industrijali f’Ħaż-Żabbar u dak li qed jiġi żviluppat fix-Xewkija qed isostni li l-prezz għall-faċilitajiet li qed jinbnew għadu mhux iffisat.
Jisħaq li l-proġett għadu fi “stadju bikri” u għadu “prematur wisq” biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet. Intant, minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li imprendituri u kuntratturi Għawdxin qed jintalbu jħallsu l-prezz ta’ bejn €140,000 u €170,000, skont id-daqs, u b'ċens annwali ta' bejn €1,000 u €2,000, li jinkludu fosthom garaxxijiet li jistgħu jintużaw bħala maħżen jew workshops.
Francis Gauci kien qed jirreaġixxi għall-istorja li dehret għall-ewwel darba fil-gazzetta The Sunday Times of Malta tal-Ħadd li għadda fejn ġie żvelat li 12-il tomna ta’ art pubblika ngħatat lil dawn l-iżviluppaturi ta’ parks industrijali b’direct order u mingħajr sejħa pubblika.
Ġie żvelat ukoll li l-iżviluppaturi tal-proġett huma Joseph Portelli Projects, li huma fost l-akbar żviluppaturi f’Malta u Għawdex u li kienu fl-aħbarijiet riċentament bl-approvazzjoni tal-proġett Mercury Towers f’Paceville, u Agius Properties Ltd, li s-sidien tagħha joperaw ukoll numru ta’ supermarkets tad-ditta Ta’ Dirjanu f’Għawdex.
Francis Gauci jgħid li l-proġett beda jiġi diskuss fl-2009 mal-Ministru ta’ dak iż-żmien Tonio Fenech. Gauci jgħid li fl-inawgurazzjoni tal-ewwel park industrijali f’Ħaż-Żabbar, il-Ministru Fenech kien semmielhom l-idea li jsir ieħor f’Għawdex.
Jgħid li d-diskussjonijiet kienu waqfu mal-bidla fil-Gvern, iżda fl-2017 ressqu l-istess proposta lill-Malta Industrial Park u d-diskussjonijiet reġgħu ssokktaw. Dan wassal biex il-ftehim ta’ dan il-proġett ġie ffirmat f’Settembru li għadda.