Prezzijiet ogħla għall-ikel u x-xorb fuq l-Air Malta

Minn din il-ġimgħa stess, l-Air Malta se tieqaf tqassam bziezen u flixkun ilma b’xejn lill-passiġġieri u minflok se tkun qed toffri l-ikel u x-xorb kollu bi ħlas permezz ta’ Sky Bar.

Sorsi qrib il-linja tal-ajru Air Malta kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-bidla se sseħħ min-nhar il-Ħamis b’uffiċjal tal-Air Malta jikkonferma li għada se ssir laqgħa għall-ġurnalisti fejn se tiġi spjegata din il-bidla.

Newsbook.com.mt kiseb kopja tar-revista Sky Bar li se tibda titqassam lill-passiġġħieri f’kull titjira.

Ħarsa ħafifa lejn din ir-revista turik kif il-prezzijiet tal-ikel u x-xorb fuq l-ajruplani se jogħlew. L-akbar żieda fil-prezzijiet kienet reġistrata fix-xorb alkoħoliku bħall-inbid, whiskey, vodka u liquors oħra li minn €4 kull flixkun, issa saru jiswew €5.50.

Inbidel ukoll it-tip ta’ orange juice li jisserva fit-titjira bil-prezz jogħla minn €2 għal €2.50. Il-kafé, li qabel kien jinbiegħ b’€2.50 issa se jiġi jiswa €3. Hemm żieda wkoll fil-prezzijiet taċ-ċikkulati Snickers u KitKat.