Preżentatur ta’ One TV iħassar kumment meqjus razzista

Il-preżentatur ta’ programmi fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista Manuel Micallef ħassar il-kumment tiegħu minn Facebook wara li qam furur razzista fil-kummenti.

Il-post li originarjament irrella f’forma ta’ mistoqsija kien dwar x’għandhom jagħmlu l-professjonisti tas-saħħa meta jkunu ffaċċjati b’deċiżjoni ta’ emerġenza bejn persuna Maltija u persuna Afrikana.

Manuel Micallef staqsa għal min għandu jmur il-ventilator jekk ikun għad fadal wieħed biss u jistennew il-kura hemm xi ħadd tal-familja li huwa anzjan u immigrant ġej mill-Afrika ta’ 21 sena.

Ftit tal-ħin wara huwa emenda l-post oriġinali u qal li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx waħda razzista. Huwa iżda appella biex kulħadd jafda fit-tmexxija u temm jgħid hekk dwar il-Prim Ministru: “Nitlob għalih u nappoġjah”. Fost kummenti oħra huwa qal li l-PM jinsab fl-aktar siġġu jaħraq ta’ bħalissa.

Din l-emenda ma kinitx biżżejjed biex il-kritika fil-konfront tiegħu tieqaf. Dan għaliex Micallef kelli ftit tal-ħin wara jħassar il-post kompletament biex issa l-aktar post riċenti fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook hija dik dwar il-programm li jippreżenta fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista.

Id-deputat Laburista Jean Claude Micallef huwa iben Manuel Micallef.

Matul l-aħħar sigħat, għadd ta’ għaqdiet u istituzzjonijiet fosthom l-Isqfijiet Maltin għamlu l-appelli tagħhom biex il-Gvern Malti jaqdi d-dmirijiet umanitarji u internazzjonli biex isalvaw l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma. Intant, hekk kif il-portijiet Maltin se jibqgħu magħluqa, il-Gvern ħabbar li se jkun qed jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tibda missjoni umanitarja fil-Libja.