Preżentati l-premijiet lill-ħaddiema fis-settur turistiku f’Għawdex

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, ħabbret ir-rebbieħa tal-Gozo Tourism Awards 2017. Il-premijiet marru għand ħaddiema li spikkaw f’xogħolhom fil-qasam tat-turiżmu f’Għawdex. 
Manuel Sultana, li jaħdem bħala barman f’Cafe Jubilee, ġie rrikonoxxut bħala l-aqwa ħaddiem għas-sena 2017, filwaqt li Richard Galea li jaħdem bħala Head Waiter f’Ta’ Philip Restaurant ħa l-premju tal-iżgħar ħaddiem fit-turiżmu għal-istess sena. 
F’isem Ta’ Marija Holiday Accommodation, Anna Azzopardi flimkien ma’ Sonia Theuma ngħataw il-premju għall-intraprenditorija. 
Ir-rebbieħ għall-kisba fit-turiżmu kulturali kienet  l-organizzazzjoni li tagħmel rappreżentazzjonijiet marbutin ma’ avvenimenti storiċi fix-Xagħra, ix-Xagħra Historical Re-Enactment Organisation. 
Dr Victor Bajada tal-Prestige Holiday ġie onorat wara mewtu bil-premju għall-karriera fit-turiżmu għall-investiment u għar-riżultati li kiseb matul is-snin fis-settur tat-turiżmu, li wasslu biex jinħolqu iktar xogħlijiet u titkabbar l-ekonomija Għawdxija. 
Il-bord li ddeċieda għand min marru l-premjijiet kien magħmul min-nutar Dr Paul Pisani flimkien ma’ Joseph Psaila u John Busuttil. 
Preżenti ukoll kien hemm il-Ministru Għal Għawdex, Justyne Caruana, li filmkien maċ-Ċermen tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, u l-Kap Eżekuttiv Paul Bugeja, ippreżentaw il-premjijiet lir-rebbieħa. 
Caruana fid-diskors tagħha għalqet billi enfasizzat fuq l-importanza tar-riżorsi umani fis-settur tat-turiżmu, filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema u l-intraprendituri fis-settur Għawdxi tat-turiżmu.