“Pressjoni mill-UE fuq Malta minħabba l-Panama Papers”

L-Ewroparlamentari Maltin Roberta Metsola u Miriam Dalli qablu li se jkun hemm pressjoni fuq is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Malta mill-Unjoni Ewropa minħabba l-iżvilupp tal-Panama Papers.
Roberta Metsola qalet li l-iskandlu tal-Panama Papers se jimpatta b’mod negattiv ir-reputazzjoni ta’ Malta u allura l-pressjoni se tiżdied. Min-naħa tagħha, Miriam Dalli qalet li kwalunkwe żvilupp li hemm, bħalma ġara fl-iskandlu tal-Lux Leaks, iwassal għal pressjoni fuq is-sistema tat-tassazzjoni Maltija.
Miriam Dalli qalet li l-MEPs Maltin kollha ħadu pożizzjoni ċara kontra l-liġi proposta tal-Common Consolidated Tax Base (CCTB) u hi dejjem insistiet li kwistjonijiet ta’ tassazzjoni għandhom jiġu deċiżi mill-pajjiżi individwali. Saħqet li hi mhix se tbiddel il-pożizzjoni tagħha, anke wara l-kwistjoni tal-Panama Papers.
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola qalet li minħabba li dan l-iskandlu se jimpatta r-reputazzjoni ta’ Malta, dan se jimpatta b’mod negattiv il-pożizzjoni tal-MEPs Maltin kontra l-liġi tas-CCTB.
Miriam Dalli qalet li l-kwistjoni ta’ evażjoni tat-taxxa u trasparenza fejn tidħol it-taxxa hu prinċipju li se tibqa’ ssostni fuqu u saħqet li għaliha dak hu sagrosant.
Temmet billi qalet li “Issa bħala pajjiż irridu nkomplu naraw kif se nsaħħu s-servizzi finanzjarji ta’ Malta għax hu ovvju li pressjoni se jkun hemm u se tiżdied.”
Min-naħa l-oħra, Roberta Metsola qalet li fis-settur tas-servizzi finanzjarji, Malta hawn regoli stretti u vantaġġjużi fl-istess ħin. Sostniet li huma proprju dawn ir-regoli li ma ħallewx lil Konrad Mizzi jagħmel dak li ried jagħmel Malta  u fl-Ewropa u għalhekk kellu jmur il-Panama.
Saħqet li l-Gvern Nazzjonalista kien ħadem ħafna biex jattira s-servizzi finanzjarji lejn Malta, u iżda issa l-iskandlu tal-Panama Papers se jimpatta s-sistema Maltija għax kulħadd se jibda jara lil Malta bħala post fejn bniedem involut fi skandlu daqshekk kbir jibqa’ jokkupa l-pożizzjoni tiegħu.