Pressjoni internazzjonali biex Malta ma tħallix in-nies fuq il-vapuri tal-Captain Morgan

captain-morgan-sliema
Miguela Xuereb

Read in English.

Kibret il-pressjoni internazzjonali fuq Malta biex dawk in-nies li qed iżżomm fuq il-vapuri tal-Captain Morgan jitħallew jinżlu l-art.

Fi stqarrija konġunta l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) sejħu lil Malta u lill-istati Ewropej biex idaħħlu lill-160 persuna abbord dawn il-vapuri.

Dawn fakkru lill-pajjiżi li huma obligati jsalvaw lin-nies fil-periklu. Qalu li anke dewmien ta’ ftit minuti jaf ifisser id-differenza bejn ħajja u mewt. Minkejja l-pandemija tal-coronavirus Malta xorta hija marbuta bil-liġi li ddaħħal lin-nies salvati mill-baħar.

Iż-żewġ entitajiet kbar fakkru li lbieraħ 17-il persuna ġew rilokati minn Malta lejn Franza. Intqal li dan huwa evidenza li s-solidarjetà fi żmien il-COVID-19 hija possibbli.

Qalu li n-nies li hemm fuq il-vapuri diġà għamlu ġimagħtejn fuqhom – il-perjodu ta’ kwarantina għall-coronavirus. Saħqu li mhux aċċettabli li dawn jinżammu fuq il-baħar aktar milli hemm bżonn.

Il-UNHCR u l-IOM temmew jgħidu li jekk pajjiż jibgħat immigranti lejn il-Libja, dan jaf ikun ksur tal-liġi internazzjonali.

Strajk tal-ġuħ fuq il-vapuri tal-Captain Morgan – Alarm Phone

Għadd ta’ persuni li jinsabu abbord żewġ vapuri tal-Captain Morgan fl-ibħra ‘l barra mill-kosta Maltija bdew strajk tal-ġuħ. Fuq Twitter l-għaqda Alarm Phone qalet li xi nies abbord dawn iż-żewġ vapuri nrexxielhom jagħmlu kuntatt magħhom. Minħabba s-sitwazzjoni ta’ disprazzjoni li jinsabu fiha wħud minnhom bdew strajk tal-ġuħ. Oħrajn ippruvaw itemmu ħajjithom.

Jipprotestaw quddiem Kastilja biex jiddaħħlu l-immigranti fuq il-vapuri tal-Captain Morgan

Għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi qegħdin juru d-diżgust tagħhom għas-sitwazzjoni li qegħdin jinżammu fiha aktar minn 160 persuna abbord il-vapuri tal-Captain Morgan, li qegħdin jitħallsu mill-Gvern Malti wara li dawn l-immigranti ġew salvati mill-baħar. Il-vapuri qegħdin jinżammu 13-il mil nawtiku ‘l barra mix-xtut Maltin minħabba l-imxija tal-coronavirus, u l-immigranti ilhom fuq dawn il-vapuri għal aktar minn tliet ġimgħat. L-għaqdiet appellaw lill-Gvern biex idaħħalhom Malta u jtemm is-sofferenza tagħhom.