Pressjoni fuq Kunsilli Lokali minħabba vetturi barranin mitluqa fit-toroq

Qed issir pressjoni fuq għadd ta’ Kunsilli Lokali minn residenti li jinsab urtati b’vetturi bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin skaduti li qed jikkapparraw il-postijiet tal-parkeġġ.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif Transport Malta u l-Pulizija m’għandhom database tad-dettalji ta’ dawn il-vetturi.
Għaldaqstant residenti qed jilmentaw li filwaqt li jħallsu l-liċenzja biex ikunu jistgħu isuqu l-vettura tagħhom fit-toroq Maltin, karozzi oħra bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin, li huma skaduti, qed jitħallew fit-toroq għal bosta ġimgħat jew xhur, ħafna drabi ipparkjat ħażin ukoll.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Transport Malta qalet li l-Awtorità iżżomm reġistru bid-dettalji ta’ vetturi bi pjanċi barranin illi jkunu tneħħew mit-triq meta jirriżulta illi dawn ma kellhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jinstaqu fit-toroq Maltin.
Transport Malta qalet ukoll li vetturi li jiġu Malta misjuqa minn turisti jistgħu jinstaqu f’Malta sa’ massimu ta’ seba’ xhur mid-dħul tagħhom f’pajjiżna.
Jirriżulta li l-problema ewlenija hi li minħabba l-moviment ħieles tal-oġġetti fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u ż-żona Schengen mhux kull vettura li tidħol f’Malta tiġi rreġistrata awtomatikament.
Huwa s-sid li jrid imur jirreġistra ma’ Transport Malta l-vettura li jkun daħħal f’Malta qabel 20 ġurnata li l-vettura tkun waslet Malta.
Peress li l-vetturi ma jiġux irreġistrati awtormatikamet u m’hemmx database aġġornat tal-vatturi meta jiddaħħlu Malta, il-Pulizija mhux f’pożizzjoni li tidentifika immedjatament is-sid, biex il-vettura titneħħa mit-triq.
Il-proċess ta' identifikazzjoni tas-sid huwa wieħed metikoluż. 
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li tressqet proposta biex vetturi bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin li jidħlu Malta jiġu rreġistrati temporanjament bid-dettalji tas-sid sakemm jiġu rreġistrati biex jinstaqu fit-toroq Maltin.