Iridu li jitneħħa l-limitu ta’ studenti Kattoliċi fi skejjel tal-Knisja

Id-Deputat Konservattiv Ingliż, Jacob Rees-Mogg, li hu Kattoliku prattikanti, appella lill-Ministru tal-Edukazzjoni tar-Renju Unit biex tneħħi l-limitazzjoni tan-numru ta’ studenti li jistgħu jidħlu fi skejjel tal-Knsija, għax din qed tagħmel ħafna ħsara.
Hu qal li din il-politika żbaljata, effettivament qed twaqqaf lill-Knisja milli tiftaħ skejjel ġodda bla ħlas, u fakkar li l-programm elettorali tal-Partit Konservattiv, illum fil-Gvern, kien wiegħed li dan il-limitu se jitneħħa.
Rees-Mogg qal li “l-problema bir-regoli preżenti hi li dawn jillimitaw in-numru ta’ postijiet għal studenti Kattoliċi għal 50 fil-mija, jekk studenti oħra li mhumiex Kattoliċi jiddeċiedu li huma wkoll iridu jidħlu fl-iskejjel tal-Knisja”.
“Madankollu, skont il-Liġi Kanonika, l-Isqfijiet Kattoliċi huma obbligati li ma joffrux postijiet fl-iskejjel tagħhom lil studenti mhux Kattoliċi u jeskludu lill-Kattoliċi”, żied jispjega. “Hu ovvju li l-Isqfijiet mhux se jaqblu li jiftħu skejjel ġodda li jirrifjutaw studenti li huma Kattoliċi”.
Hu qal li din il-politika edukattiva tal-Gvern qed tagħmel ħsara lill-edukazzjoni kemm għall-Kattoliċi kif ukoll għal dawk li mhumiex għax qed iżżid id-domanda għal postijiet fl-iskejjel eżistenti li diġà huma mimlija ħafna.
Il-ġimgħa li għaddiet, Sir Edward Leigh, konservattiv ieħor, kiteb fil-“Catholic Herald” dwar dan is-suġġett u sostna li din il-politika hi ta’ dannu, u qal li “biex titneħħa l-limitazzjoni m'hemmx bżonn liġi ġdida għax din hi kwestjoni ta’ policy.  Kulma hemm bżonn hi l-firma tal-Ministru tal-Edukazzjoni.
Il-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra nidiet petizzjoni li titlob biex tinbidel din il-policy. “Billi ġġiegħel skejjel Kattoliċi jirrifjutaw tfal Kattoliċi minħabba t-twemmin tagħhom, qed ikun mhedded id-dritt tal-ġenituri Kattoliċi li jagħżlu edukazzjoni Kattolika għal uliedhom”, sostnew l-Isqfijiet.
L-appell tad-Deputat Jacob Rees-Mogg qed ikompli jżid il-pressjoni fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justine Greening, biex tibdel din il-policy.