Boris Johnson jappella għall-paċenzja dwar it-tneħħija tal-lockdown

Aġġornat 02:47 PM

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li l-coronavirus tibqa l-ikbar sfida lir-Renju Unit, l-ikbar sfida minn wara l-Gwerra. Huwa qal li fil-waqt li jifhem l-impatt ekomomiku tal-lockdown u l-miżuri ta’ restrizzjoni, wieħed xorta jrid iżomm f’moħħu r-riskji fuq is-saħħa u s-servizzi tas-saħħa li mewġa sekondarja jista’ jkollha.

Huwa spjega li mhux lest li jarmi s-sagrifiċċji, uħud b’ħajjithom, ta’ ħafna nies fl-Ingilterra biex jiġġieldu l-pandemija. 

Hekk kif illum it-Tnejn il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, irritorna lura fl-uffiċċju tiegħu f’10 Downing Street, kien qed ikollu pressjoni kbira biex jibda jieħu deċiżjonijiet dwar kif u meta jista’ jibda jintreħa l-lockdown ekonomiku u soċjali li hemm fis-seħħ.


Din il-pressjoni ilha tiżdied għal dawn l-aħħar jiem, waqt li Johnson kien rikoverat fl-isptar minħabba l-marda tal-Covid-19. Il-lockdown, li nbeda madwar xahar ilu fi sforzi biex titwaqqaf l-imxija tal-epidemija li laqtet lill-pajjiż b’mod qawwi, kellu effetti negattivi fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Skont l-aħħar statistika uffiċjali, l-imwiet fir-Renju Unit issa qabżu sew l-20,000 persuna, żieda ta’ 413 persuna fl-aħħar 24 siegħa, filwaqt li l-każijiet ikkonfermati telgħu għal madwar l-153,000 persuna.

Minkejja l-pressjoni li hemm fuq Johnson u l-bqija tal-Kabinett biex jintemm il-lockdown, uffiċċjali Ingliżi, speċjalment dawk fil-qasam mediku, insistew li wieħed irid ikun kawt ħafna rigward il-passi li jmiss. Rilassament mgħaġġel tal-miżuri attwali jista’ jwassal biex jinqered ix-xogħol kollu li sar s’issa fir-Renju Unit, fejn għad m’hemmx indikazzjoni li l-firxa tal-virus qed tiġi kkontrollata.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn