Pressjoni biex Malta twaqqaf il-kaċċa fuq il-gamiem

Il-Kummissjoni Ewropea ntalbet biex titlob lill-awtoritajiet Maltin iwaqqfu l-kaċċa fuq il-gamiem biex din l-ispeċi ma tiġix estinta.
L-International Union for Conservation of Nature kitbet lill-Kummissarju Malti Karmenu Vella, responsabbli mill-ambjent, u argumentat li l-gamiem huma speċi li naqset ħafna fin-numri fl-aħħar snin u issa hi mniżżla fil-lista ta’ dawk mhedda u vulnerabbli.
Irreferiet għall-fatt li Malta fetħet l-istaġun tal-kaċċa bl-applikazzjoni ta’ deroga għad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar, fejn jistgħu jinqatlu sa 5,000 għasfur.
Sostniet li f’każ ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fi “stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli” jew “b’livell baxx ħafna ta’ popolazzjoni”, l-istess Direttiva tgħid li m’għandhiex tingħata deroga. Għalhekk qed tinsisti li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ moratorium urġenti fuq il-kaċċa ta’ din l-ispeċi f’Malta.