​Pressjoni biex jintemmu l-investigazzjonijiet dwar abbużi fl-Addolorata

Qed issir pressjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex l-investigazzjonijiet dwar abbużi fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata jintemmu malajr kemm jista’ jkun.
Hekk qalet id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg waqt l-aġġornament tas-seduta ta’ llejla tal-Kamra tar-Rappreżentanti waqt li saħqet li l-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi għandu jagħti spjegazzjoni fil-Parlament dwar dawn l-abbużi.
F’Ottubru li għadda, l-istess deputat allegat abbużi il-bini u l-bejgħ b'mod illegali ta’ numru ta’ oqbra kif ukoll racket fit-tindif tal-oqbra. L-għada, il-Gvern ħabbar investigazzjoni dwar l-allegat abbużi.
Fis-seduta tal-lejla, Buttigieg sostniet li mpjegati fiċ-ċimiterju qed jitolbu ħlasijiet esaġerati għas-servizzi li jitolbu u dan b’mod abbużiv. Hija rreferiet għall-fatt li l-Gvern jitlob €15 għat-tindif tal-oqbra waqt li l-ħaddiema inkwistjoni qed jitolbu madwar €100. Allegat li supervisor qed iħeġġeġ li ssir ħsarat fuq l-oqbra biex imbagħad huwa u t-tim tiegħu jintalbu jagħmlu x-xogħolijiet ta’ tiswija għal bejn €60 u €80 minbarra t-tips. Fid-diversi każi, sostniet, ma tingħatax irċevuta.
Hija qalet li fost dawk sospiżi minħabba din l-investigazzjoni hemm persuna li wasal biex jintemmilha l-kuntratt u li jekk se tibqa’ sospiża din se titlef il-pożizzjoni li għandha. Dan qed iwassal għall-pressjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex l-investigazzjonijiet jiġu magħluqa malajr kemm jista’ jkun.
Buttigieg sostniet li abbużi simili qed isiru f’ċimiterji oħra madwar Malta. Fosthom semmiet iċ-ċimiterji Ta’ Braxja, l-Mosta, r-Rabat u Ħaż-Żebbuġ.