President ġdid għall-Kulleġġ tal-Kandidati tal-PN wara l-mewt ta’ Evelyn Vella Brincat

Charles Selvaġġi nħatar bħala l-President tal-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista waqt laqgħa li fiha ġiet imfakkra l-memorja tal-mibkija Evelyn Vella Brincat li kienet il-President tal-Kulleġġ għal dawn l-aħħar sentejn.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-għażla ta’ Selvaġġi kienet waħda unanima. Doris Borg inħatret bħala Viċi President. Dr Errol Cutajar, Charles Selvaġġi, u Ryan Cefai Mercieca ntgħażlu biex jirrappreżentaw il-Kulleġġ fl-eżekuttiv tal-PN. Fl-ewwel messaġġ tiegħu, Selvaġġi qal li se jkun qed jorganizza attivitajiet biex jgħaqqad flimkien il-kandidati tal-partit għall-elezzjonijiet Ewropew ma’ dawnk li wrew ix-xewqa li jaħdmu bħala kandidati għall-elezzjoni ġenerali ta’ erba’ snin oħra.