President ġdid għal Sliema Aquatic Sports Club

Sliema Aquatic Sports Club ħatru lill-Avukat Frank Testa bħala l-President il-ġdid tal-klabb. Dan wara li l-President Emeritus Michael Gatt, għażel li ma jikkontestax għall-kumitat fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret din il-ġimgħa.
Testa li trabba fil-klabb minn Għar id-Dud sa minn twelidu, rringrazzja lil President preċedenti għas-servizz eċċellenti li ta lill-klabb, kif ukoll lill-membri u lill-kumitat il-ġdid tal-fiduċja li wrew fih. Il-President Testa tenna li flimkien mal-kumitat se jaħdem bi ħġaru biex ireġġa lill-aktar klabb li rebaħ unuri f’Malta għas-suċċess, wara perjodu kemm xejn diffiċli.
Matul l-istess Laqgħa Ġenerali Annwali, Michael Gatt ġie maħtur unanimament bħala President Onorarju tal-klabb tal-għawm u l-water polo. Din il-ħatra ngħatat bħala rikonoxximent għas-servizz li ta lill-klabb matul ħajtu, fejn wara li tela’ minn nursery tal-istess klabb, serva bħala plejer, kowċ u finalment bħala President tal-klabb. Ingħata wkoll ringrazzjament xieraq lil Malcolm Gatt, li ddeċieda li jirtira wara 30 sena fil-kumitat, 28 minnhom bħala Teżorier.
Il-kumitat il-ġdid diġa ssokta fil-ħidma tiegħu għall-istaġun li jmiss.