Presepju tradizzjonali Malti fil-Ħamrun

Il-presepju tradizzjonali Matli din is-sena ntrama fi Pjazza San Pawl il-Ħamrun, lokal li għandu rabta kbira maż-żmien tal-Milied. Il-presepju tradizzjonali Malti fi snin li għaddew kien għall-wiri  fi Pjazza Tritoni kif ukoll barra minn Malta fi Pjazza San Pietru l-Vatikan, fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betlem u  fil-villaġġ tal-Milied fil-kampus tal-Università tal-Kapitali Awstrijaka. Dan il-presepju kompla jikber u jsir aktar wieħed artistiku mas-snin li għaddew xogħol mill-artist Għawdxi Manwel Grech. 

Dan il-presepju juri l-grotta tradizzjonali kif ukoll il-Qaddis Malti San Ġorġ Preca flimkien mat-tfal waqt purċissjoni tat-tfal li bdiet ġewwa l-Ħamrun. Il-Milied u l-Ħamrun huma marbuta hekk kif fil-Ħamrun bdiet l-ewwel purċissjoni bil-Bambin fit-toroq, beda il-Mużew minn San Ġorġ Preca kif ukoll beda jitqassam presepju żgħir lit-tfal kollha li jattendu l-Mużew. 

Is-Sindku tal-Ħamrun jixtieq iħeġġeġ lil kulħadd biex iżur dan il-presepju u japprezza t-talent Malti, jixtieq ukoll f’isem il-Kunsill jirringrazzja d-direttorat tal-Kultura kif ukoll lil Ministru Jose Herrera.

Dan it-tagħrif twassal mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.