Presepju b’effetti speċjali fin-Nadur

Ilbieraħ it-Tlieta 16 ta’ Diċembru l-Arċipriet tan-Nadur fetaħ u bierek il-presepju ġewwa l-mużew tan-Nadur f’Għawdex.

Dan il-presepju huwa ‘l fuq minn 30 pied twil  u tista’ ddur miegħu fejn jurik pass pass l-istorja tat-twelid tal-Bambin.

Il-presepju hu magħmul minn żkuk tal-ħarrub u minn għeruq tal-qasab li jtuh dehra tassew naturali. Qed tintuża l-aħħar teknoloġija tal-LEDs u SMDs li jdawwlu l-presepju u jtuh dehra verament mill-isbaħ.

Għal dan il-presepju tintuża wkoll teknoloġija tal-laser li jagħtu sens li huwa l-lejl.

L-effetti jinkludu wkoll kwiekeb u beraq li jagħtu dehra vera oriġinali ta’ dan il-presepju.

Dan il-presepju huwa xogħol ta’ Tonio Grech li ilu 25 sena jibni dan il-presepju fil-mużew tas-subien.

Il-wirja tkun miftuħa kuljum mis-6pm ‘il quddiem, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud, mit-3pm ‘il quddiem. Dawk il-gruppi li jixtiequ jagħmlu appuntament għandhom iċemplu fuq 99829748.