Kienet tassew ideja sabiħa u ta’ min ifaħħarha dik tas-Sezzjoni tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li torganizza kompetizzjoni għall-isbaħ presepju u b’hekk tgħin finanzjarjament lil dawk li xtaqu jibnu u jesebixxu xi presepju matul il-jiem li għaddew għax b’hekk stajna ngawdu presepji tassew sbieħ imxerrdin ma’ parti kbira mill-gżira tagħna.
Dan seta’ jsir ukoll billi l-Uffiċċju tal-Kultura ppubblika lista ta’ dawn il-presepji bil-ħinijiet tal-ftuħ u fejn jinsabu. F’pajjiżna l-petrol mhux irħis u allura ħadd ma jieħu gost joqgħod jinqala’ u mbagħad forsi jsib xi presepju jew tnejn magħluqin! Barra minn hekk mhux dejjem jirnexxilek issib il-Presepju mill-ewwel u allura importanti li l-parteċipanti kollha jkollhom xi forma ta’ tabella (bil-lejl mixgħula) biex tiggwida lil dak li jkun. Affarijiet żgħar li naħseb il-Kunsill jitlobhom u ma jiswewx wisq biex tagħmilhom. Intant, sa minn meta kont għadni tifel f’dar ommi, jien trabbejt bil-presepju d-dar u kbirt b’din l-imħabba lejn dan il-wirt li nemmen qed ikompli jieħu l-ħajja anke bis-sehem li qed tagħti l-“Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta l985” li fl-4 ta’ Ottubru li għadda għalqet 34 sena minn mindu twaqqfet fir-raħal ta’ San Lawrenz minn tlett sinjuri: Gorġ Borġ, il-Kan Dun Mikiel Borġ u Joe Galea li huwa l-President tal-Għaqda.
Għamilt mezz li ma nitlifx iċ-ċans li mmur inżur dawn il-presepji u veru ma ddispjaċinix. Rajt kif għamilt u ksibt lista tagħhom u ta’ kull fl-għaxija kont naqbad il-karozza u nara xi ftit minnhom għax ngħid is-sewwa ma kenux ftit. Inkitbu għadd ġmielu ta’ presepji bejn statiċi u mekkaniċi. Żgur li kien hemm iżjed imma ppreferew li ma jintrabtux bil-ħin tal-wiri. Wieħed minnhom kien żgur dak tal-presepista bravu Frankie Mizzi li joqgħod fil-bidu tal-Fontana li għandu presepju trid seba’ għajnejn biex tarah, presepju li ddur miegħu dawra mejt waqt li tisma’ wkoll kummentarju bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan. Qrib Pjazza Sant Wistin Salvinu Cremona mhux biss bena l-presepju imma żejjen ukoll il-faċċata ta’ daru li żejnet triq sħiħa u tefgħa ta’ ġebla bogħod dħalt fil-foyer tal-Oratorju Don Bosco biex nara l-presepju tagħhom!
Intant il-presepji li rajt kollha għoġbuni. Bdejt billi rajt dak ta’ Giovann Cassar mhux bogħod mill-Kunvent tal-Kapuċċini Victoria li dejjem jinkludi xi rokna mill-gżejjer Maltin. Mhux bogħod mill-presepju ta’ Giovann mort nara wkoll il-presepju mekkaniku għall-aħħar ta’ Joseph Attard li dis-sena ħareġ b’idejat ġodda u kellu mhux inqas minn wieħed u ħamsin moviment – mhux ċajta – ta’ Triq Sagħtar Victoria. Bieb ma’ bieb il-Knisja ta’ San Franġisk fil-Victoria rajt ukoll presepju mekkaniku ta’ Dumink li għoġobni ħafna wkoll waqt li fil-Qasam tas-Subien tal-Museum fix-Xagħra nsibu presepju armat is-sena kollha li ta’ kultant tiżdiedlu wkoll xi ħaġa ġdida u li qed jagħlaq 50 sena.. Hawnhekk din id-dar tfur bl-attivita’ dawn il-jiem qaddisa li kienu tant għal qalb il-Fundatur Dun Gorg Preca. Jidher li kamra mill-Qasam issa se tkun iddedikata għall-presepji biss u fiha qed tilqa’ għadd ta’ dijorami mill-isbaħ; bla dubju tista’ żżurha s-sena kollha flimkien mal-Presepju tal-Ħamsin li wkoll jieħu kamra sħiħa. Nibqgħu fix-Xagħra u l-Presepju ta’ Victor Agius li rajt minn wara l-ħġieġ tat- tieqa fi Triq it-8 ta’ Settembru ukoll jiġbed l-għajn; dan iż-żagħżugħ artist jagħti daqqa t’id ġmielħa lil għaqda f’raħlu biex tkompli tippromovi l-kultura tal-Presepju, u din is-sena wkoll organizzat tour tal-Presepji fir-raħal.
Fix-Xagħra wkoll fil-Knisja Parrokkjali kien hemm għall-wiri għadd ta’ presepji sbieħ fuq l-altari barra t-tiżjin tat-tempju t’Alla, xi ħaġa li rajtha wkoll fil-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ fejn issa għandhom Arċipriet ġdid u ħabrieki għall-aħħar. Fil-Qala, għoġobni ferm ukoll il-presepju ta’ Clayton Buttiġieġ li għandu sett pasturi ta żagħżugħ mix-Xewkija, Hubert Saliba, li ferm jipprometti, kif ukoll wirja ta’ Presepji fiċ-Ċentru Parrokkjlai tar-raħal Gużeppin. Il-Presepju fil-knisja Arċipretali kien ħelu wkoll. Fix-Xewkija fil-każin tal-football daħħluni nara presepju ħelu; bieb ma’ bieb rajt ukoll dawk taċ-Ċentru Parrokkjali fejn jiltaqgħu ta’ kuljum għadd ta’ żgħażagħ. Fil-Knisja Parrokkjali l-Arċipriet żamm bħas-soltu l-appuntament tiegħu wkoll kif ukoll taħt l-istess knisja.
Għoġobni mmens dak li bena fil-Bażilika ta’ San Gorg iż-żagħżugħ Gorġ Camilleri b’pasturi li nġabu minn Sqallija. Anton Sillato ma naqasx li jagħtina presepju sabiħ li bħalu għamel ieħor fuq wieħed mill-altari tal-Knisja ta’ San Franġisk. Fiċ-Ċenru tal-Vokazzjonijiet fix-Xagħra reġa kien hemm presepju għal wiri flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ presepji li jibnu t-tfal. Teddy Caruana mir-Rabat imma jgħix fix-Xagħra daħħalni nara l-presepju li bena fi Triq Vestru kif għamel ukoll Raymond Bonello li ħafna drabi ma jżarmax xogħlu qabel ma tkun daħlet sewwa s-sena l-ġdida bla ma qatt jonqos li jikseb xi xogħol Naplitan li tant jiġbed l-għajn. Qabel taqbad it-Triq għan-Nazzarenu waqaft ukoll nara presepju tal-ġebel mibni mill-ġuvnott Andre’ li jidher li jħobb ħafna l-Milied.
Fil-Qasam tas-Subien fin-Nadur li tant ikun imżejjen u armat sabiħ dawn il-jiem mhux biss nifirħilhom għal Presepju kbir li jieħu kamra sħiħa imma wkoll għall-kunċert tal-Milied li għamlu fil-Bażilika tan-Nadur. Taħt il-Knisja Parrokkjali dħalt inżur presepju li tant għoġobni!
Inkomplu għaddejjin b’din il-karellata ta’ presepji. Lejla waħda mort Għajnsielem fejn naħseb li marru wkoll bosta mill-qarrejja biex iżuru l-Presepju ħaj li dis-sena kompla jikber – Betlehem f’Għajnsielem! F’Għajnsielem, il-ħabib tiegħi Herman fil-Pjazza tas-Santwarju mill-ġdid żamm l-appuntament annwali tiegħu. Nifraħlu li dis-sena l-presepju artistiku tiegħu rebaħ l-Ewwel Premju. Fil-Knisja l-qadima tar-raħal Pawlu Stellini ħa ħsieb rema l-Wirja bid-dijorami li bena Claudio Mattei, presepista Taljan imwieled f’Bergamo fis-sena 1954. Fiż-Żebbuġ, fejn ħalla l-karkura x-xitan, fuq ir-riħ tal-Qbajjar, David Xuereb bena għadd ta’ presepji li ma tixbax toqgħod tiflihom bir-reqqa! Fil-pjazza tar-raħal dħalt ukoll f’garage fejn rajt presepju tal-ġebel li fakkarni f’Għawdex tal-imgħoddi meta gżiritna kienet tfur bi presepji ta’ dix-xorta.
Fin-Nadur reġa’ ntrema l-Presepju ħaj li fiħ għadd ta’ voluntiera jieħdu sehem b’sagrifiċċju mhux żgħir.
Qabel nagħlaq ninsab ċert li ħafna minnkom sabu ħin imorru jaraw il-Wirja annwali ta’ Presepji li tagħmel l-Għaqda Hbieb tal-Presepju f’Ghawdex li matul Mejju tal-2010 kienet ospitat fostna għadd sabih ta’ Presepisti mill-Italja kollha li tpaxxew bil-presepji tagħna.
Dan x’irnexxieli nara jien; żgur li ma rajtx kollox u allura Prosit lil kull min ħa xi inizjattiva biex jissokta jxerred il-ferħ tal-Milied.
Kelllna wkoll diversi msieraħ flimkien ma’ Triq ir-Repubblika Victoria (li kienet tibqa’ sejra sax-Xatt tal-Imġarr) mixgħulin tajjeb kif ukoll xi toroq fl-irħula tagħna; ma’ dawn inżid il-Ġonna Pubbliċi ta’ Villa Rundle; u dan żgur kompla jżid il-ferħ tal-Milied fil-poplu tagħna. Minħabba kwistjoni ta’ tul, ma tkellimtx dwar l-għadd sabiħ ta’ serati mużikali li kellna fil-Victoria u f’diversi rkejjen ta’ gżiritna li bla dubju għalihom niesna saret tiffolla mhux ħażin.
Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex