Premju Daphne: Tirbħu ġurnalista Taljana

Federica Angeli, kienet l-ewwel rebbieħa tal-premju mniedi biex issellem il-memorja tal-ġurnalista investigattiva, Daphne Caruana Galizia, li kienet assassinata f’Ottubru li għadda.
Angeli, ilha dawn l-aħħar 20 sena taħdem mal-gazzetta Taljana La Repubblica. Għal dawn l-aħħar ħames snin hi qed tgħix taħt il-protezzjoni ta’ skorta. Dan wara li investigat il-mafja f’Ruma.
Il-premju kien mogħti lilha mill-Assoċjazzjoni Kulturali Leali delle Notizie waqt ir-raba’ edizzjoni tal-Festival tal-Ġurnaliżmu. L-assoċjazzjoni hi minn Ronchi dei Legionari fit-Tramuntana tal-Italja.
Permezz ta’ dan il-premju, l-assoċjazzjoni trid turi l-periklu li għalih huma esposti l-ġurnalisti meta jirrappurtaw u jinvestigaw l-istejjer biex bihom huma joħorġu l-verità. Fi kliem l-organizzaturi, l-għażla ta’ Angeli mill-kumitat tal-għażla, hi waħda li taqbel mal-intenzjonijiet tagħhom.
 

https://platform.twitter.com/widgets.js