Premjat il-President tal-Federazzjoni taċ-Ċikliżmu John Zammit

Simon Wilkinson

John Zammit il-president tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu ingħata l-Premju tal-Mertu mill-president tal-UCI David Lappartient waqt il-188 Kungress tal-UCI ġewwa Harrogate, f’Yorkshire. John Zammit li kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-MCF Joe Bajada, rċieva dan il-Premju għas-servizz eċċellenti tiegħu għaċ-ċikliżmu.

Dan juri d-dedikazzjoni tiegħu lejn iċ-ċikliżmu. Sorpriż, Zammit irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu tul l-aktar minn 50 sena tiegħu fil-karriera taċ-ċikliżmu u qal li dan kien unur kbir mhux biss għalih personalment, iżda wkoll għall-Federazzjoni u l-Isport f’Malta

John Zammit huwa l-president attwali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Huwa wieħed minn numru ta’ persuni li jaħdmu ħafna fl-isport Malti, partikolarment fil-qasam taċ-ċikliżmu. Tul il-karriera kompetittiva tiegħu, huwa rrappreżenta lil Malta f’xi avvenimenti importanti barra l-pajjiż, kif ukoll għamel tliet snin mal-klabb Sqalli GS Lampolet ta’ Katanja.

Hu wkoll marbut ħafna u ddedikat għal BMX Malta Association. Mhux talli li hu l-president tal-assoċjazzjoni, iżda huwa l-fundatur tagħha wkoll. Grazzi għall-inizjattiva tiegħu, Zammit irnexxielu jattira eluf ta’ żgħażagħ lejn l-isport tul is-snin.