Premijiet ta’ GreenPak jirrikonoxxu titjib fil-lokalitajiet

Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Luqa, Ħ’Attard, Ħal Għaxaq, il-Kalkara, San Ġwann u x-Xagħra, Għawdex, ingħataw rikonoxximent uffiċjali bħala rebbieħa tal-premijiet għar-riċiklaġġ waqt il-Premjijiet għall-Kunsilli Lokali ta’ GreenPak. Dawn l-unuri jingħataw fuq bażi annwali mis-Soċjetà Kooperattiva GreenPak. Dawn il-premjijiet jagħrfu lil dawk il-Kunsilli Lokali li l-aktar jippruvaw itejbu l-kredenzjali ħodor tagħhom għal titjib tal-lokalità u l-ambjent tagħhom. Tlett kunsilli lokali kienu nominati f’kull waħda mis-sitt kategoriji.
L-edizzjoni ta’ din is-sena rat l-introduzzjoni ta’ unur ġdid bl-isem ‘Waste to Recyclables Awards’ bl-għan li jistimula t-tnaqqis ta’ skart mħallat (borża s-sewda) u minflok l-iskart ikun separat u jinġabar għar-riċiklaġġ (borża l-ħadra). Dan l-unur intrebaħ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa. L-unur ‘Best Overall Performance’, li jkejjel il-prestazzjoni per capita ta’ kemm inġabar skart riċiklabbli mill-ġbir bieb bieb u bring-in-sites, rebħu l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li ġabar rata annwali ta’ 50.5kg għal kull ras. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kiseb il-premju ‘Most Supportive Locality’ talli b’mod kontinwu jippromwovi tagħrif lir-residenti tal-lokalità dwar ir-riċiklaġġ. L-unuri ta’ ‘Best Performance: Glass Recycling’ u ‘Most Improved Locality’ intrebħu mil-lokalitajiet tal-Kalkara u Ħal Għaxaq rispettivament.  
Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Fondazzjoni Inspire sponsorjat ‘Il-Premju Fondazzjoni Inspire’ bħala sinjal ta’ apprezzament għal dawk il-kunsilli lokali li ħadu sehem matul is-sena li għaddiet fil-kampanja għall-ġbir ta’ ħwejjeġ użati. Il-premju ntrebaħ mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra, minn fejn ir-residenti ġabru medja ta’ żewġ kilogrammi ta’ ħwejjeġ użati għal kull dar.
Fost dawk preżenti għall-għoti tal-preimijiet kien hemm il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Bidla tal-Klima, Leo Brincat, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Dr Stefan Buontempo.
Apparti milli rċevew it-trofew u ċertifikat, il-kunsilli lokali rebbieħa ngħataw ukoll premju ta’ flus minn GreenPak ta’ €1,000 bħala għajnuna għal proġetti ambjentali li jsiru fil-lokalitajiet rispettivi għall-benefiċċju tar-residenti.
GreenPak, skema awtorizzata mill-MEPA, hi l-akbar skema ta’ ġbir ta’ skart f’Malta. L-organizzazzjoni hi membru fundatur ta’ EXPRA, organizzazzjoni internazzjonali li ma taħdimx għal skop ta’ qligħ u li tippromwovi l-kunċett li hi l-industrija nnifisha li għandha tagħmel ir-riċiklaġġ u mhux tħalli li r-riċiklaġġ ikun piż fuq il-gvern u awtoritajiet lokali.
Għal dawn l-aħħar għaxar snin, il-GreenPak kienet waħda mill-35 sistema ta’ responsabbbiltà tal-produtturi nazzjonali taħt l-umbrella ta’ PRO Europe.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt