Prematur li tirrilaxxaw aktar miżuri – Assoċċjazzjoni għas-Saħħa Pubblika

L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Mediċina għas-Saħħa Pubblika (MAPHM) f’ittra miftuħa lill-Prim Ministru qalet li hija prematura d-deċiżjoni li jkomplu jiġu rilaxxati l-miżuri mingħajr ma jkunu għadhom għaddew tliet ġimgħat mir-rilaxx tal-miżuri ta’ qabel sabiex jiġu osservati l-implikazzjonijiet fuq il-pajjiż.

Fi stqarrija, l-Assoċċjazzjoni saħqet li r-rilaxx ta’ dawn il-miżuri jmur kontra l-parir li qed tagħti s-Supretendent tas-Saħħa. Żiedu li s’issa l-Gvern għadu ma ppubblikax ir-risk assessment li sar mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika dwar ir-rilaxx ta’ miżuri b’rabta mal-coronavirus.

Il-MAPHM qalet li f’Malta ġiet ikkontrollata l-firxa tal-coronavirus fil-Gżejjer Maltin għax kien hemm koperazzjoni sħiħa u sagrifiċċju mill-pubbliku u dawk involuta fis-saħħa pubblika, u għalhekk jekk jiġu injorati l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa issa se jkun ifisser li x-xogħol u s-sagrifiċċju li sar ikun għalxejn. Dan ifisser li jispiċċa s-serħan tal-moħħ li wieħed jista’ jkompli n-negozju tiegħu u jerġa’ jibda’ jqum fuq saqajh it-turiżmu.

L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Mediċina għas-Saħħa Pubblika qalet li hija tinsab ixxukkjata għal dak li qal il-Prim Ministru li se jkun qed jagħti amnestija lil dawk li kisru l-kwarantina jew kienu fi gruppi iktar minn kemm huwa stipulat mil-liġi. Żiedu li din l-amnestija se tħalli impatt negattiv fil-futur u din id-deċiżjoni hija waħda popolista u irresponsabbli.

L-MAPHM qalet li l-Prim Ministru mhux f’pożizzjoni li jagħti din l-amnestija u se tkun qed tibda petizzjoni dwar din id-deċiżjoni.

Appellat lill-Prim Ministru biex jieħu l-parir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, kif ukoll li jippubblika l-istrateġija u r-risk assessment li sar dwar kif għandhom ikunu rilaxxati l-miżuri. L-Assoċċjazzjoni kkonkludiet li COVID-19 mhux warajna imma se jibqa’ parti minna għal aktar xhur. Il-professjonisti tas-saħħa se jibqgħu jaħdmu biex jipproteġu s-saħħa tal-pubbliku.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn