“Prematur” li jkun hemm dettalji dwar fast ferry bejn Malta u Għawdex

Read in English.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li jkun prematur li jkun hemm dettalji marbuta mal-iskeda tal-fast ferry. Huwa qal dan minħabba x-xenarju ekonomiku dinji li jinsab inċert minħabba l-imxija tal-coronavirus. Il-Ministru kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said fil-Parlament.

Il-Ministru Borg fisser li bħalissa il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali qed jippjana li s-sejħa għas-servizz konvenzjonali bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa tinħareġ b’mod separat minn dak tas-servizz ta’ fast ferry bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta. Dan minħabba li fl-ewwel sejħa iż-żewġ servizzi kienu amalgamati flimkien. Il-Ministru stqarr li din l-ewwel sejħa ma kinetx tat il-frott mixtieq u eventwalment ġiet ikkanċellata fuq il-bażi li kien hemm bidliet ta’ natura teknika u finanzjarja li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa dwar dan is-servizz minħabba li din kienet waħda mill-wegħdiet prinċipali għal Għawdex fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali tal-2017 u sal-lum dan is-servizz għadu ma ġiex introdott.

Huwa staqsa wkoll dwar liema portijiet f’Malta se jiġu użati u kemm-il vjaġġ kuljum huwa maħsub li jsir. Fil-Parlament il-Ministru qal li fl-ewwel sejħa, l-operatur tal-fast ferry kien intalab biex jopera tliet vjaġġi keljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa kemm mill-Belt Valletta u anke mill-Imġarr. Fis-Sibtijiet u l-Ħdud, l-iskeda kienet maħsuba b’mod differenti.

Fl-aħħar ta’ Jannar 2017, il-Ministru Anton Refalo, dak iż-żmien Ministru għal Għawdex, kien waqqaf kumitat tekniku dwar is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex.

Ftit tax-xhur wara, il-proġett ta’ fast ferry kien ittieħed mill-Ministru għal Għawdex u ngħata lill-Ministru għat-Trasport.