Minn post ta’ divertiment għal kamra mortwarja f’Madrid

shadows on people in the street

Nhar it-Tnejn li għadda, ice rink li jinsab f’ċentru tax-xiri f’Madrid, inbidel f’kamra mortwarja temporanja minħabba żieda qawwija fl-imwiet fil-kapitali Spanjola kawża tal-coronavirus. Dan l-istabbiliment imsejjaħ Palacio de Hielo, jew Palazz tas-Silġ, li skont informazzjoni fuq is-sit tal-internet tiegħu jista’ jilqa’ sa 1,800 persuna, se jintuża biex jinħażnu l-iġsma ta’ dawk li jmutu minħabba l-coronavirus. 

In-numru ta’ mwiet fi Spanja, wieħed mill-pajjiżi li ntlaqat l-agħar minn din il-pandemija fid-dinja, tela’ għal 2,182 nhar it-Tnejn, wara li 462 persuna mietu fi żmien 24 siegħa. S’issa aktar minn nofs l-imwiet seħħew fir-reġjun ta’ Madrid.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kunsill tal-belt ta’ Madrid qal li l-14-il ċimiterju tal-belt mhux se jibqgħu jaċċettaw aktar nies mejta għax il-ħaddiema ma kellhomx l-apparat personali protettiv adegwat. “Bdejna l-preparamenti sabiex dan il-bini jista’ jibda jirċievi l-katavri, u b’hekk inħaffu l-ħidma tas-servizzi tal-funerali hekk kif qed naffaċċjaw din is-sitwazzjoni eċċezjonali,” qal il-gvern reġjonali ta’ Madrid.

Din il-kamra mortwarja temporanja se tibda tintuża “fis-sigħat li ġejjin” kompliet tgħid id-dikjarazzjoni. “Din hi miżura temporanja u eċċezzjonali bil-għan li ntaffu d-dieqa tal-membri tal-familji tal-vittmi, u nallevjaw il-piż minn fuq l-isptarijiet ta’ Madrid.”

Iċ-ċentru tal-ħwienet jinsab fiż-żona ta’ Hortaleza, fit-tramuntana ta’ Madrid, mhux wisq bogħod miċ-ċentru tal-konferenzi Ifema li nbidel fi sptar temporanju b’5,500 sodda għal pazjenti bil-coronavirus.

Skont ftehim li ntlaħaq mill-gvern reġjonali ta’ Madrid u l-Ministeru għad-Difiża nhar il-Ġimgħa li għadda, is-suldati bdew jgħinu fit-trasport tal-iġsma ta’ persuni li mietu minħabba l-virus lejn diversi kmamar mortwarji.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn