Post il-Maġistrat Coppini jinqasam bejn tnejn

Read in English.

Il-post tal-Maġistrat Dr Paul Coppini li rtira bl-età fl-aħħar jiem, se jimtela b’żewġ Maġistrati nisa Għawdxin: Simone Grech u Monica Vella. 

Il-kawżi kollha taċ-ċivil u inkjesti f’Għawdex kienu jinstemgħu minn żewġ Maġistrati: Dr Paul Coppini li serva bħala Maġistrat għal madwar 25 sena u Dr Brigitte Sultana li ilha fil-kariga minn April li għadda.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li kemm Grech kif ukoll Vella kienu interessati fil-post ta’ Coppini, u li għaldaqstant iltaqgħu mad-Direttur tal-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex, u ntlaħaq ftehim biex ix-xogħol tal-Għassa, li qabel kien f’idejn Coppini, jinqasam bejniethom it-tnejn.

Minkejja dan, ill-kawżi kollha tal-ġimgħa d-dieħla tħassru u għad m’hemmx data ta’ diferiment. Barra minn hekk l-assenjazzjoni lill-Maġistrati l-ġodda għadha ma saritx mill-Prim Imħallef.

Esperti fil-qasam legali qalu ma’ Newsbook.com.mt li suppost fil-Qorti ta’ Għawdex kellha ssir Prim Awla bħalma hemm f’Malta, taħt l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri, li kienet Maġistrat fil-Qorti ta’ Għawdex. Żiedu jgħidu li dan il-pjan ma twettaqx minħabba l-kawża kostituzzjonali li hemm pendenti dwar il-ħatriet tal-ġudikatura.

6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura: 3 imħallfin u 3 maġistrati

Repubblika tisfida l-ħatra ta’ 6 membri ġodda tal-ġudikatura

Dr Vella Cuschieri, issa mħallef, baqgħet isservi fil-Qorti ta’ Malta u ħadet ix-xogħol ta’ Dr Lorraine Schembri Orland li nħatret Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. 

L-Imħallef Schembri Orland eletta fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

F’Għawdex kien hemm kwantità ta’ kawżi li kienu diferiti għas-sentenza għall-1 ta’ Novembru, u li suppost kellha tiddeċidihom Joanne Vella Cuschieri. Madanakollu issa mhux magħruf x’se jsir minnhom.

Imħallef għal Għawdex?

Waħda mill-wegħdi elettorali tal-Partit Laburista fl-2013 kienet li Għawdex ikollu mħallef għalih, iżda sa issa din il-wegħda għadha ma mmaterjalizzatx.  Skont l-esperti legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, imħallef f’Għawdex itejjeb il-kwalità tas-sentenzi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. 

F’Marzu tal-2017, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ġie rappurtat jgħid li aktar tard fl-istess sena ċertu kawżi f’Għawdex kienu se jingħataw is-serjetà li jitolbu u jinstemgħu quddiem Imħallef. Irrefera għall-Abbozz ta’ Liġi li kien qed jiġi diskuss fil-Parlament. Dr Bonnici fisser kif b’imħallef f’Għawdex titneħħa distinzjoni oħra li teżisti bejn il-Qorti ta’ Għawdex u dik ta’ Malta.  Il-pjan kien li Għawdex ikollu imħallef fl-1 ta’ Ottubru, mal-ftuħ tas-Sena Forensi.

F’Ġunju 2018, wara l-ġurament tal-ħatra tal-Imħallfin u tal-Maġistrati l-ġodda, Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru Bonnici dwar imħallef għal Għawdex, u kien wieġeb li l-wegħda elettorali li f’Għawdex ikun hemm Imħallef se tiġi implimentata fix-xhur li ġejjin. 

Filmat: 3 imħallfin ġodda; Għawdex jibqa’ jistenna

Minbarra din l-isfida, is-settur tal-ġustizzja f’Għawdex ilu għal snin sħaħ jistenna bini altenattiv għal dak tal-Qorti preżenti. 

Fid-19 ta’ Ottubru li għadda, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Gvern qed jesplora sit alternattiv ieħor. Dan se jkun it-tielet sit alternattiv li qed ifittex il-Gvern, biex il-Qorti jkun f’post aktar ċentrali. 

Tfittxija għat-tielet sit alternattiv għall-Qorti f’Għawdex

Ħames xhur ilu, fid-diskors inawgurali tagħha, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri appellat lill-awtoritaijiet biex jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lill-istat imwiegħer tal-Qrati f’Għawdex fejn hi stess serviet ta’ Maġistrat. Qalet li tinsab sorpriża kif il-ħaddiema jibqgħu dedikati meta jkollhom jaħdmu f’dak l-ambjent.