Post ġdid minn fejn jaqbżu u jkorru f’Kemmuna

Is-sena li għaddiet, madwar 10 persuni, kważi kollha barranin, weġġgħu serjament ix-xewka ta’ daharhom wara li qabżu minn fuq Kemunett.  Tul dan is-sajf kien hemm 8 persuni oħra li weġġgħu daharhom, 7 f’Kemunett u xi ħaddieħor fir-Ramla.
Mario Saliba, membru tal-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) qal ma’ Newsbook.com mt li din is-sena l-għawwiema avventurużi qed ifittxu postijiet ġodda minn fejn jaqbżu.
Jidher li l-post favorit għal dan is-sajf jinsab fit-tarf ta’ Bejn il-Kmiemen, sewwasew maġenb it-torri ta’ Kemmuna.
Saliba qal li f’dan il-post il-ġdid sa issa għadhom ma twaħħlu ebda tip ta’ tabelli biex juru li ma jistax isir qbiż minn hemm fuq.  Minkejja li fuq Kemunett twaħħlu xi erba’ tabelli, xorta waħda għad hemm min jagħżel jissogra ħajtu.
Kompla jgħid li l-ħaddiema tal-ERRC ma jistgħux iwaqqfu lill-għawwiema milli jaqbżu iżda jistgħu biss iwiddbuhom, dan għax il-Pulizija biss għandha l-jedd twaqqaf lil xi ħadd.  
Dan is-sajf il-lifeguards tal-ERRC irduppjalhom ix-xogħol ta’ salvataġġ hekk kif minn din is-sena, m’għadhiex taħdem id-dgħajsa li kienet tieħu n-nies minn Kemmuna għal fuq Kemunett.  Dan b’konsegwenza li ħafna nies qed jispiċċaw jaqsmu minn gżira għall-oħra bil-basktijiet fuq rashom.
Minn żjara qasira li Newsbook.com.mt għamel f’Kemmuna l-ġimgħa li għaddiet, innota li saħansitra kien hemm min irnexxielu jgħum minn Kemmuna sa Kemunett b’tinda kbira minħabba x-xemx, b’xi sitt siġġijiet, u tliet picnic coolers.
Fil-fatt fit-13 ta’ Awwissu li għadda, il-lifeguards għenu 80 persuna li sabu diffikultà waqt li kienu qed jgħumu bejn il-ġżejjer, b’ħafna minnhom għax ikunu għejjew jgħumu bl-affarijiet. 
Mario Saliba saħaq li għalkemm il-baħar ta’ Bejn il-Kmiem jidher sabiħ u kalm, minn taħt jgħaddu kurrenti kbar u għalhekk ħafna nies jiġu salvati għax jitkaxkru mal-kurrenti.
Fil-bidu tas-sajf, iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia ta kelmtu li Kemunett se tkun imħarsa aktar biex inqas għawwiema, l-aktar barranin, ma jkomplux ipoġġi ħajjithom f’periklu serju.