Possibiltà ta’ investiment mill-Alġerija

Id-delegazzjoni Maltija fi New York, li qed tattendi għat-68 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, kellha laqgħa bilaterali mal-Ministru Alġerin għall-Affarijiet Barranin Ramtane Lamamra.

Iż-żewġ naħat qablu li Malta u l-Alġerija għandhom relazzjoni tajba bejniethom, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jindika li din ir-rabta għandha tissaħħaħ.

Il-Ministru Alġerin għall-Affarijiet Barranin jgħid li pajjiżu se jikkunsidra l-possibiltà li titwaqqaf kummissjoni konġunta bejn Malta u l-Alġerija.

Dwar is-settur tal-enerġija, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega l-ftehimiet strateġiċi li Malta għamlet mal-Libja u maċ-Ċina. Il-Ministru Alġerin  qal li anke l-Alġerija tista’ tkun ass importanti għal aktar investiment f'pajjiżna.

Il-ġimgħa li għaddiet Newsbook.com.mt ħabbar li din il-ġimgħa suppost kellu jiġi organizzat seminar mill-Malta Enterprise bis-sehem ta’ negozjanti u kummerċjanti ewlenin Alġerini. Is-seminar ġie pospost minħabba tibdil fil-Kabinett Alġerin.

Waqt il-laqgħa bilaterali ġie diskuss ukoll it-turiżmu u ż-żewġ pajjiżi laqgħu b’mod tajjeb li l-AirMalta se tagħmel titjiriet diretti lejn l-Alerġija.

 

Ritratt: DOI – Omar Camilleri