Possibiltà li tiġi introdotta l-għażla għal kremazzjoni

L-introduzzjoni ta’ kremazzjoni f’Malta ssemmiet mis-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia, waqt laqgħa li kellu mal-Arċisqof Pawl Cremona.

Min-naħa tagħha, il-Knisja uriet li mil-lat reliġjuż ma ssib xejn kontra din l-idea, anzi tħoss li għandha tkun deċiżjoni personali tal-individwu, sakemm jimxi skont it-tagħlim reliġjuż.

Waqt il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari qal li l-MEPA qiegħda fi proċess li toħroġ policy li tirregola ċ-ċimiterji f’Malta u Għawdex.

L-Arċisqof Cremona u Michael Farrugia qablu wkoll li l-ħidma relatata mal-Joint Office għandha titħaffef.

Farrugia qal li hija x-xewqa tiegħu li ħafna problemi li tħallew jakkumulaw għal snin twal għandhom jiġu riżolti malajr fl-interess tal-poplu u l-Knisja. B’hekk tkun konkluża u magħrufa x’inhi l-propjetà kollha li l-Knisja għaddiet lill-Istat Malti.

Iż-żewġ naħat sostnew li għandu jerġa’ jibda l-proċess ta’ laqgħat dwar l-iskedar ta’ proprjetajiet reliġjużi madwar Malta u Għawdex, li kien għamel Gvern preċedenti fuq numru ta’ knejjes.

Għal din il-laqgħa, li saret fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, attendew ukoll l-Isqof Awżiljarju Mons. Charles J Scicluna, il-Pro Vigarju Ġenerali Mons. Anton Gouder u Ray Bonnici.