Possibiltà li l-pubbliku jkollu sehem fl-unuri tal-ġurnalisti

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) beda riforma li għandha twassal biex l-unuri tal-ġurnalisti jsiru aktar prestiġjużi. Waħda mill-ideat li qed tiġi kkunsidrata hija li l-pubbliku jkollu sehem fl-għażla tal-aħjar stejjer ġurnalistiċi tas-sena. Peress li bħalissa l-ġurija hi ffurmata minn tliet persuni kien hemm l-idea li x-xogħol ġurnalistiku jinfetaħ għall-ġudizzju tal-pubbliku biex ikun hemm l-involviment tas-soċjetà.  

Din u aktar ideat ħarġu waqt seminar għall-membri tal-Istitut li sar fil-Palazz ta’ San Anton f’Ħ’Attard. Is-seminar tmexxa mir-rapporteur Pierre Cassar li nħatar mill-Kunsill tal-IĠM biex iħejji rapport dwar x’għandhom ikunu l-bidliet fl-għoti tal-premijiet lill-ġurnalisti fis-serata li ssir kull sena fejn ikunu ppremjati l-ġurnalisti bl-aħjar stejjer u ritratti ġurnalistiċi.

It-temi li fuqhom ġew diskussi riformi dwarhom kienu fil-membri tal-ġurija u l-ħatra tagħhom, il-kategoriji li fihom il-ġurnalisti jissottomettu x-xogħol tagħhom, il-kriterji li fuqhom il-ġurija jibbażaw il-punti tagħhom u l-organizzazzjoni tas-serata li fiha jiġu ppreżentati l-unuri.

Fil-bidu tas-seminar, is-Segretarju Ġenerali tal-IĠM Nigel Mifsud għamel preżentazzjoni qasira dwar ir-rapport tal-ġurija ta’ din is-sena. Il-ġurija qalu li kienu diżappuntati mil-livell ta’ kitbiet li ġew sottomessi meta stejjer ta’ livell ogħla ma ġewx issottomessi għal xi raġuni jew oħra.

Għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni attendew il-President tal-IĠM Yannick Pace flimkien ma’ għadd ta’ ġurnalisti oħrajn fosthom mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Newsbook.com.mt.