“Possibiltà li jerġgħu jibdew jiġu l-immigranti f’Malta”

Il-possibiltà li Malta terġa’ tibda tara l-immigranti ġejjin bil-baħar se tikber minħabba l-bidla fil-modus operandi tal-Frontex.
Dan ikkonfermah Mark Micallef, ġurnalist investigattiv u riċerkatur speċjalizzat fuq it-traffikar tal-bnedmin waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM. Micallef jagħmel parti mis-Segretarjat tal-Global Initiative against Transnational Organized Crime.
Madankollu kompla jgħid kif mhux qed jantiċipa massa ta’ nies.
Il-Frontex hija għaqda ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea (EU) li ddur bil-vapuri fil-Mediterran sabiex tagħti għajnuna lill-immigranti li jkunu qed jaqsmu l-ibħra.
Minkejja li fl-aħħar ftit snin is-sitwazzjoni għamlitha iktar faċli li l-Italja jaslu tal-ewwel biex jagħtu l-ewwel għajnuna, il-bdil li ħa jsir fil-Frontex ħa jħalli iktar possibiltà li s-Search and Rescue Maltija tasal qabel fuq il-post.
Fil-programm issemmet ukoll l-istqarrija tal-Isqfijiet Maltin fuq l-immigranti fejn saħqu li “ma nistgħux nagħlqu widnejna għall-karba ta’ min jitlef ħajtu fil-Mediterran”. 
 “Il-poplu jibża’ mill-immigranti għax ma jafhomx”
Id-diskussjoni fuq il-programm Newsline kompliet ma’ Joanna Muscat, voluntiera mal-immigranti, li saħqet li r-raġuni għaliex il-Maltin jibżgħu mill-immigranti, hija għax ma jafuhomx.
Hi spjegat kif qabel ma’ bdiet tagħmel volontarjat mal-immigranti kull darba li tgħaddi minn Ħal Far kienet tgħolli t-twieqi u ssakkar il-bibien tal-karozza u saħqet li biddlet fhemta malli bdiet tgħin lil dawn in-nies.
Hi sostniet li l-unika mezz sabiex tonqos id-diskriminazzjoni u tiżdied l-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà hija bidla totali fid-diskors tan-nies fl-awtorità.
Muscat irreferiet b’mod speċjali għall-każ tal-mewt tat-tifla Victoria fejn saħqet li l-Ministri ma jistgħux ġenwinament jinkwetaw fuq il-mewt ta’ Victoria, jekk jinkwetaw ukoll fuq il-biża' tal-poplu Malti mill-immigranti.
Għalhekk, hi tisħaq li hemm bżonn bidla fl-attitudnijiet tal-poplu u tal-politikanti u tinsisti li l-integrazzjoni ma tfissirx li l-Maltin isiru bħalhom, jew jippretendu li l-immigranti jaġixxu bħal Maltin, imma li l-poplu jitgħallem jirrispetta lil xulxin bil-karatteristiċi differenti.