Possibilità ta’ strajk f’Heathrow

Wikipedia / Mariordo@aol.com

Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta wissiet li jista’ jkun hemm strajk fl-ajruport ta’ Heathrow f’Londra b’konsegwenza li dan ikollu effett fuq is-sigurtà. Il-ħaddiema jaf jieħdu din l-azzjoni industrijali nhar it-Tnejn u t-Tlieta ta’ Awwissu.

L-Air Malta fuq is-sit tagħha qalet li għaldaqstant il-passiġġieri għandhom jieħdu l-affarijiet essenzjali u ta’ valur fil-baggalja li jtellgħu magħhom fuq l-ajruplan biex jitnaqqsu d-dewmien.

Il-kumpanija nazzjonali qalet li mhux se tkun qed tikkanċella titijiriet lejn Heathtrow iżda dan ma jeskludix kumpaniji oħrajn milli jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom.

Iktar azzjonijiet industrijali huma ppjanati għat-23 u l-24 ta’ Awwissu.

L-azzjoni industrijali qed tittieħed wara li t-taħdidiet bejn l-ajruport u l-union fallew. L-union Unite qalet li ammont sostanzjali tal-membri tagħha ma laqawx l-aħħar offerta li saret mill-ajruport dwar pagi tal-uffiċjali tas-sigurtà, ħaddiema tat-tifi ta’ nar, inġiniera u ħaddiema lejn jaħdmu mal-passiġġiera.

Dawk kollha li se jkunu qed isiefru lejn u minn Heathrow nhar il-5 u s-6 ta’ Awwissu huma mħeġġa jitkellmu mal-linji tal-ajru li magħhom għandhom it-titjira u jiċċekkjaw online għad-dettalji. L-ajruport ta’ Heathrow sostna li għandu pjanijiet ta’ kontiġenza biex b’hekk jitnaqqas l-effett negattiv fuq il-passiġġieri.