Possibilità ta’ laqgħat f’Malta dwar il-Libja

In-Nazzjonijiet Magħquda qed jikkunsidraw il-possibilità li ssir laqgħa f’Malta flimkien ma’ delegazzjoni Libjana u Marokkina dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja.
Sorsi qrib Kastilja qalu ma’ Newsbook.com.mt li r-rapporti mhux ikkonfermati jindikaw li waħda mill-possibiltajiet li qed tikkunsidra n-Nazzjonijiet Magħquda hija li ssir laqgħa tri-partita ma’ uffiċjali Libjani fejn Malta jkollha rwol attiv, speċjalment wara l-esperjenza tal-2011.
Dawn il-laqgħat jistgħu isiru x-xahar id-dieħel. 
Wara l-ġlied li nqala fi Tripli, b’mod speċjali fl-ajruport, il-Gvern Libjan talab l-intervent tan-Nazzjonijiet Magħquda biex il-Libja ma tfallix.
Hekk kif in-Nazzjonijiet Magħquda se tkun qed tagħti d-deċiżjoni fil-ġranet li ġejjin, jirriżulta li l-Kungress Ġenerali Nazzjonali fil-Libja ddeċieda li jgħaddi l-poteri amministrattivi tal-pajjiż lil Parlament ġdid li mistenni jiġi elett fl-4 ta’ Awwissu li ġej.
Il-Kungress Ġenerali Nazzjonali ilu jmexxi l-Libja minn meta tneħħa r-reġim ta’ Gaddafi, il-possibiltà hija li l-Gvern il-ġdid ikun ibbażat f’Bengażi.
Matul il-laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu mal-Prim Ministru Ingliż David Cameron, qabel il-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth, ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Libja kif qed tiżviluppa u kif in-Nazzjonijiet Magħquda tista’ tintervjeni.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li mill-crises centre fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ittieħdet id-deċiżjonijiet li jibdew xogħlijiet ħdejn il-bini tal-Pulizija f’Ta’ Kandja biex l-inħawi jinbidlu f’żona ta’ lqugħ għall-persuni li jistgħu jiġu evakwati mil-Libja, jekk kif is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż qed tmur għall-agħar.
Newsbook.com.mt infurmat li hemm il-ħsieb li jintuża wkoll Boiler Wharf fi-xatt tal-Isla.
Pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Filippini, li ħafna ċittadini tagħhom jaħdmu fil-Libja bdew il-proċeduri tal-evakwazzjoni mil-Libja.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li madwar 13,000 ħaddiem mill-Filippini jistgħu jiġu evakwati lejn Malta.
Aktar Maltin qed jitilqu mil-Libja permezz ta’ titjiriet bl-ajru, lbieraħ saru żewġ titjiriet oħra tal-Medavia minn Mitiga, fil-11am u s-2pm.
Madwar 70 Malti waslu lura Malta t-Tnejn li għadda minn Misurata iżda ġie kkonfermat li Malti ilu ġranet maħtuf mill-militanti fil-Libja.
Katamaran tal-Virtu Ferries ukoll jinsab lest biex kif jibdew il-proċeduri tal-evakwazzjoni jsiru vjaġġi lejn il-Libja.