Possibilità ta’ €7,000 kumpens mill-UE lil kull bidwi u raħħal – Peter Agius

Read in English.

Fi Brussell għadhom kemm qablu fuq fondi li bihom il-pajjiżi jistgħu jagħtu sa €7,000 lil kull bidwi u raħħal bħala kumpens għan-nuqqas ta’ bejgħ minħabba l-coronavirus. Dr Peter Agius, espert Ewropew u kandidat għall-Parlament Ewropew fl-aħħar elezzjoni li jsegwi mill-qrib il-bżonnijiet tas-setturi tal-prodott Malti, ħabbar dan fuq Facebook.

F’kumment lil Newsbook.com.mt Agius qal li “dawn il-miżuri adottati fi Brussell issa jippermettu li l-Gvern jikkumpensa t-telf tal-bejgħ minħabba l-pandemija. Il-kumpens sa €7,000 lill-bdiewa individwali u sa €50,000 għal kumpaniji tal-biedja jista’ joħroġ direttament mill-fondi Ewropej.”

Huwa kompla jgħid li importanti ħafna li l-Gvern jgħaġġel biex il-bdiewa u r-raħħala jibbenefikaw peress li l-fondi jridu jintefqu qabel l-aħħar tas-sena.

Dr Peter Agius qalilna li hemm pajjiżi oħra fejn il-gvernijiet u awtoritajiet reġjonali diġà taw sussidji lill-bdiewa u r-raħħala biex ipattu għall-coronavirus.

“Il-familji tagħna jiddependu mill-prodott Malti. Jekk ifalli l-bidwi u r-raħħal Malti jbatu lkoll għax tonqos l-għażla u jogħlew il-prezzijiet. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li ngħinu lil dawn is-setturi jkomplu jipproduċu u jkunu kompetittivi,” qal Peter Agius.

L-imxija tal-coronavirus laqtet ħażin ħafna lill-bdiewa u r-raħħala Maltin.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-President tal-Kooperattiva tal-Majjali Mario Abela li kkonferma li l-bejgħ tal-majjal Malti naqas drastikament minħabba li waqaf l-operat ta’ restoranti u lukandi li normalment jagħmlu mal-50% tal-bejgħ tar-raħħala Maltin. Huwa żied jgħid li l-prezz tal-majjal ta’ barra naqas u li issa ħafna proċessuri tal-majjal qed jixtru minn barra u mhux qed jixtru majjal Malti.

“Għandna bżonn l-għajnuna minnufih għax l-ispejjez dejjem ġejjin iżda l-bejgħ naqas. B’dan il-pass se jkun hemm ħafna li jfallu u ma jkollniex majjal ta’ Malta’, qal is-sur Abela.