Possibilità ta’ aktar qtugħ ta’ dawl – Enemalta

L-Enemalta tgħid li l-full load tal-interconnector kien minħabba ‘limitazzjoni ta’ provvista mill-power station’

Read in English.

L-Enemalta qalet li fil-ġranet li ġejjin jista’ jkun hemm aktar qtugħ ta’ dawl.  Hi u twieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, l-Enemalta ppruvat tagħti x’tifhem li l-ħsarat li saru u li possibilment isiru huwa tort ta’ ħsara fil-cable bejn Malta u Sqallija.

L-Enemalta iżda ma spjegatx b’mod ċar għaliex il-pajjiż kellu bżonn li juża l-interconnector “bil-full load” meta Malta hawn biżżejjed power stations biex jipprovdu għall-ħtiġijiet kollha tal-pajjiż.  L-Enemalta qalet biss li l-full load kienet meħtieġa għax “kien hemm limitazzjonijiet fil-kapaċità tal-impjanti tal-ġenerazzjoni fis-sit ta’ Delimara”.

Newsbook.com.mt bagħat dawn il-mistoqsijiet lill-Enemalta biex tiċċara l-pożizzjoni tagħha”

B’referenza għal li “l-interconnector kien mgħobbi bil-full load peress li kien hemm limitazzjoni fil-kapaċità tal-impjanti tal-ġenerazzjoni fis-sit ta’ Delimara“:

  • X’kienet din il-limitazzjoni?
  • Kemm kienet ilha din il-limitazzjoni?
  • Kemm kienet kbira din il-limitazzjoni? Il-limitazzjoni tfisser li l-impjanti f’Delimara ma kienu qed jipprovdu dawl xejn jew li kienu qed jipprovdu inqas milli kien hemm bżonn? U jekk kienu qed jipprovdu anqas milli setgħu, kemm kien dan l-inqas?
  • Kemm kienet ilha din il-limitazzjoni?
  • Xi tfisser eżatt limitazzjoni? Ħsara?

L-Enemalta, fi stqarrija spjegat kif mill-ewwel indikazzjonijiet kien stabbilit li żviluppat ħsara fil-baħar fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija għall-ħabta tas-7.30am, li kkaġunat qtugħ fil-provvista tal-elettriku mal-pajjiż kollu.

Żiedet tgħid li jidher li kien hemm ħsara fi tnejn minn tliet conductors u l-linji kollha tal-fibreoptic madwar 30 kilometru ‘l bogħod minn Sqallija fl-ibħra internazzjonali.

Il-provvista tad-dawl bdiet ġejja lura għan-normal fl-10.04 am permezz ta’ turbini ta’ emergenza, bil-prijorità kienet li jingħataw id-dawl postijiet strateġiċi. Fl-10.19 am ġiet provduta l-provvista tal-elettriku fl-isptar Mater Dei. Is-sitwazzjoni reġgħet ġiet lura għan-normal b’mod sħiħ għal ħabta tas-1.10pm.

“Peress li teżisti l-possibilità li l-ħsarat fuq l-interconnector jieħdu l-ġimgħat sabiex jiġu rranġati, dan inaqqas mill-flessibilità li l-Enemalta għandha għad-dispożizzjoni tagħha minn fejn tkun tista’ tixtri l-elettriku. Dan jista’ jirriżulta f’interruzzjonijiet fil-provvista tad-elettriku minn żmien għall-ieħor f’ċirkustanzi li Enemalta plc ma jkollhiex kontroll fuqhom”, tkompli tgħid l-istqarrija.  

L-Enemalta qalet ukoll li b’mod immedjat, fetħet investigazzjoni teknika sabiex tistabilixxi l-fatti kollha li waslu għal din is-sitwazzjoni.

Reuters u The New York Times jirrappurtaw il-qtugħ tad-dawl f’Malta

Reuters u The New York Times irrappurtaw il-qtugħ tad-dawl f’Malta u qalu li minkejja li l-power stations f’Malta għandhom biżżejjed kapaċità biex ilaħħqu mad-domanda, l-Enemalta tiddependi għall-parti l-kbira tal-provvista tagħha fuq Sqallija, għax l-elettriku irħas. Ir-rapport jgħid ukoll li l-ġeneraturi tal-elettriku jieħdu diversi sigħat biex jinxtegħlu.

Din hija t-tieni darba f’inqas minn xahar li nqata’ d-dawl mal-pajjiż kollu.