Possibilità li pazjenti f’Monte Karmeli qed jużaw ħwejjeġ ta’ taħt ta’ xulxin – rapport

Rapport isib problemi bl-ikel, bl-ambjent, u bl-amministrazzjoni

Hemm possibilità li xi pazjenti f’Monte Karmeli qed jispiċċaw jużaw ħwejjeġ ta’ taħt ta’ xulxin, skont rapport mill-Uffiċċju tal-Kummisasrju għas-Saħħa Mentali.

Din l-informazzjoni ħarġet fir-rapport annwali għas-sena 2018 tal-Kummissarju Dr John Cachia. Fost il-problemi li nstabu kien hemm problemi bix-showers, bl-ikel, bl-ambjent, u bl-amministrazzjoni.

Skont ir-rapport hemm ward partikolari li fih pazjenti nisa qed jużaw ħwejjeġ li mhumiex identifikabli u li jista’ jkun li qed jużaw ħwejjeġ ta’ taħt ta’ xulxin. Intqal li għalkemm dan mhux sew, il-ħwejjeġ ikunu maħsulin.

Pazjenti jidħlu fuq xulxin fis-showers

Instab li hemm showers li ma jissakkrux allura ħafna pazjenti jispiċċaw jidħlu fuq xulxin. L-infermiera jħabbtu u jidħlu mingħajr ma jistennew. Hemm ukoll pazjenti li ma jistgħux jifhmu għalfejn ma jistgħux jinħaslu filgħaxija.

Pazjent f’Għawdex qal li l-kmamar tal-banju għandhom bżonn tiswija urġenti. Spjega li x-showers u t-toilets ma jaħdmux sew. Qal li meta wieħed jifflaxxja, l-ilma tat-toilet itir għal fuq il-persuna li jkun użah.

Ir-rapport tkellem ukoll dwar l-istat diżastruż tal-wards li hemm fl-isptar Monte Karmeli. Intqal li l-Uffiċċju jispera li jsir ix-xogħol meħtieġ biex dawk l-affarijiet li l-Uffiċċju ilu jħambaq dwarhom għall-aħħar ħames snin isiru problemi tal-passat.

Ir-rapport jgħid li titjib bl-ambjent mhux l-unika ħaġa li jrid ikun hemm. Instabu nuqqasijiet b’rabta ma’ prattiċi ħżiena, moral baxx, u problemi fil-management.

21.4% tal-pazjenti f’Monte Karmeli ma kienux kuntenti bis-servizzi tas-saħħa mentali li ġew offruti lilhom fl-2018. Entitajiet oħra rċevew riżultati ħafna aħjar. Fl-istess ħin il-carers kollha qalu li jemmnu li dawk li użaw is-servizzi tagħhom ġew trattati b’rispett u dinjità. Minnhom, 92% qalu li huma wkoll ġew trattati b’rispett u dinjità.

40% tal-acute admissions minħabba l-abbuż tad-droga

Ir-rapport jindika li hemm numru ta’ implikazzjonijiet għall-għoti tas-servizz. Dawn jinkludu l-isfida ta’ diżordnijiet ta’ vizzji, l-abbuż tad-droga, u problemi relatati mas-suwiċidju u self-harm. Instab li 30% tal-acute admissions kienu marbutin ma’ addictive behaviours minħabba drogi sintetiċi. L-abbuż tad-droga wassal għal 40% tal-acute admissions.

Il-maġġoranza tal-pazjenti f’Monte Karmeli qalu li hemm nuqqas ta’ attivitajiet fl-isptar. Ir-rapport jgħid li kull pazjent għandu jkollu skeda ta’ attivitajiet personalizzata u li dan mhux qed isir.

Għadd ta’ pazjenti u carers ilmentaw dwar il-kwalità ħażina tal-ikel. Kien hemm min qal li ċertu tipi ta’ ikel mhumiex tajbin għal min għandu d-dijabete.

Sejbiet oħra

  • Kien hemm żieda ta’ rapporti dwar inċidenti – 241 fl-2018 meta mqabbel ma’ 74 fl-2014. L-infermiera kważi kitbu r-rapporti kollha.
  • 63% tal-acute involuntary admissions kienu persuni li għandhom inqas minn 45 sena. “Dan jikkonferma l-piż mentali kbir ta’ diżordni mentali fis-sezzjoni taż-żgħar fis-soċjetà,” jgħid ir-rapport.
  • 41% tal-pazjenti f’Monte Karmeli jħossu li kienu involuti kemm riedu dwar kif jingħataw il-kura.

Din hija s-seba’ sena sħiħa ta’ ħidma mill-Uffiċċju.

Is-sena l-oħra fir-rapport tiegħu l-Kummissarju qal li għalkemm is-sala għall-kura psikjatrika fl-Isptar Mater Dei hija ta’ livell għoli mill-aspett ta’ saħħa u ż-żamma tal-ambjent, is-sigurtà tibqa’ problematika f’uħud mis-swali fl-Isptar Monte Karmeli.

Kura mentali: “Id-dedikazzjoni ma tistax tpatti għan-nuqqas ta’ investiment”