Possibilità li l-iskart tal-kostruzzjoni jibda jintrema fil-baħar – Muscat

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Read in English.

Qed tiġi studjata l-possiblità li l-iskart tal-kostruzzjoni jibda jintrema fil-baħar, skont il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Muscat qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) f’Kastilja. Il-MDA ppreżentat il-proposti tagħha għall-baġit li ġej.

Muscat qal li jridu jsiru tliet affarijiet dwar ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni. Qal li jekk is-settur privat mhux se jkun qed jirregola lilu nnifsu flimkien mas-sidien tal-barrieri, il-Gvern se jieħu l-passi li hemm bżonn u li tagħtih il-liġi sabiex dan il-qasam ikun regolat kemm jista’ jkun.

Semma li se tkun mistħarrġa l-possibilità ta’ rimi fil-baħar f’żona li diġà kienet użata fi żmien l-Inglizi u li qal li ma għandha l-ebda valur ekoloġiku. Muscat qal li din mhux l-iktar għażla favorita tal-Gvern.

It-tielet punt li semma Muscat huwa dwar l-istudji li għaddejjin bħalissa dwar reklamazzjoni tal-art u qal li f’dan il-punt il-Gvern aktar qed iħares lejn tkabbir ta’ promenades milli kif qed jingħad jew tingħata l-impressjoni li l-Gvern jaqbad u jibni gżira li fuqha jibni torri. Il-Prim Ministru semma bħala eżempji l-Imsida, il-Port Ħieles u l-Marsa li huma kollha proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art. Muscat semma Baħar iċ-Ċagħaq bħala post li potenzjalment fih jista’ jsir proġett simili.

B’rabta mar-riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni, li skont Muscat kien meqjus bħala ġungla, il-Prim Ministru qal li “llum kollox huwa stabilizzat”.

Dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera, Muscat qal li l-Gvern ma jridx jidħol ifittex fid-djar iżda jrid li jkun hemm forom ta’ avviż minn qabel jew salvagwardji biex ikunu miġġielda l-abbużi.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-MDA qed tressaq sensiela ta’ proposti. L-iżviluppaturi jridu mekkaniżmu biex jipproteġu lil dawk in-nies li jixtru minn fuq il-pjanta. Appellaw ukoll lill-Gvern sabiex jerġa’ jġedded miżuri bħal tal-First time buyer, second time buyer, l-inċentivi tal-village cores u oħrajn.

Sandro Chetcuti faħħar il-ħidma tal-Gvern u stqarr li huwa l-membri tal-MDA qatt ma esperjenzaw il-progress li sar fl-aħħar ħames snin.

Muscat qal li fil-baġit li ġej, il-Gvern se jkun qed jagħti lura lill-poplu dak li bħala pajjiż jaffordja u li mhux se jonfoq bl-addoċċ biex ikun popolari. Żied jgħid li llum ma teżistix klima ta’ tensjoni b’rabta mal-baġit fejn in-nies u n-negozji ikunu nkwetati li se tiżdied xi taxxa.