Possibbiltà ta’ żieda fl-infezzjonijiet b’Covid-19 wara l-protesti kbar fl-Ewropa

REUTERS/Fabrizio Bensch

Read in English.

L-Ewropa tista’ taffaċċja żieda fl-infezzjonijiet bil-COVID-19 fil-ġimgħat li ġejjin wara l-protesti kbar fil-kontinent li seħħew fl-aħħar jiem. Dan sostnewh politiċi, uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u esperti matul il-ġurnata tal-bieraħ.

Għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti nġabru flimkien fil-bliet il-kbar tal-Ewropa fl-aħħar ġranet biex jipprotestaw kontra r-razziżmu wara l-qtil ta’ George Floyd fl-Istati Uniti waqt li kien miżmum mill-pulizija.

“Jekk tati l-parir li kulħadd iżomm metru u nofs minn xulxin u kulħadd jispiċċa bilwiefqa ħdejn xulxin u jżommu id xulxin, ma tantx għandi sensazzjoni tajba dwar dan” sostna Jozef Kesecioglu, li jippresjedi s-Soċjetà Ewropea tal-Mediċina tal-Kura Intensiva. Mistoqsi jekk jemminx li jista’ jkun hemm żieda fl-infezzjonijiet fil-ħmistax li ġejjin, huwa qal: “Iva, imma nittama li sejjer żbaljat”.

Il-Ministru tas-Saħħa tar-Renju Unit Matt Hancock appella biex in-nies ma jattendux ġabriet kbar ta’ aktar minn sitt persuni, inkluż dimostrazzjonijiet.

“Nifhem li hemm ħafna jixtiequ juru passjoni għal kawża li hija ferm għal qalbhom. Iżda dan huwa vajrus li jiddependi fuq il-kuntatt soċjali, irrispettivament mill-kawża tiegħek”, insista waqt il-konferenza stampa ta’ kuljum dwar is-suġġett.

Bosta pajjiżi Ewropej jidher li jinsabu lil hinn mill-quċċata tal-imxija u qed jiftħu n-negozju u l-fruntieri bil-mod il-mod, hekk kif in-numru ta’ każijiet ġodda naqsu sew fl-aħħar ġimgħatl.

Qabel il-protesti riċenti, ix-xjentisti kienu qed jistennew it-tieni mewġa seħħ wara s-sajf. Iżda d-dimostrazzjonijiet l-kbar li saru jistgħu jibdlu dan kollu. Għadu mhux ċar kif il-Covid-19 jintlaqat minn fatturi staġjonali.

Filwaqt li hu mifhum li fuq barra l-vajrus jinxtered inqas malajr, jekk ma tinżammx id-distanza soċjali dan kollu jista’ jinbidel.

Martin Seychell, uffiċjal tas-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea, spjega li “bħal kull marda respiratorja infettiva, avvenimenti tal-massa jistgħu jkunu sors ewlieni ta’ trażmissjoni”. Huwa fakkar li l-vajrus għadu hemm, minkejja li r-rati niżlu sew fl-aħħar ġimgħat.

Żied jgħid li ċ-ċans u d-daqs tat-tieni mewġa jiddependu fuq iż-żamma effettiva ta’ miżuri soċjali u fatturi oħra, li ħafna minnhom għadhom mhux magħrufa.

Anke l-Ministru tas-Saħħa Taljan, Roberta Speranza, wissa għall-attenzjoni. “It-tieni mewġa jew żieda fil-każijiet mhix ċertezza, imma hija possibbli”.