Awdjo: Is-sistemi ta’ komunikazzjoni tal-ajruplan ġew diżattivati – il-PM tal-Malasja

Is-sistemi ta' komunikazzjoni tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines ġew diżattivati bi skop. Dan tħabbar mill-Prim Ministru tal-Malasja Najib Razak. Skont ma jidher fuq is-satelliti u r-radar, l-ajruplan bit-titjira MH370 biddel ir-rotta tiegħu u baqa’ fl-ajru għal madwar seba’ sigħat oħra wara li nqatgħet il-komunikazzjoni.
Il-PM Malasjan kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar dan il-każ fejn sostna li hemm ċertezza kbira li l-ajruplan biddel ir-rotta tiegħu u li kien sejjer lejn l-Indja.

Aktar kmieni:
Tidħol fit-tieni ġimgħa tagħha l-operazzjoni internazzjonali ta’ tfittix għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines li sparixxa b’239 persuna abbord il-ġimgħa l-oħra.
L-operazzjonijiet ta’ salvataġġ issa qed jiffokaw l-aktar fuq iż-żona tal-punent tal-peniżola ta’ Malay.
L-aħħar informazzjoni li ħarġet tgħid li l-ajruplan dam fl-ajru għal aktar minn ħames sigħat qabel ma dan sparixxa.
Investigaturi qed jimxu fuq it-teorija li persuna b’esperjenza ta’ ajruplan, ħadet f’idejha il-kontroll tal-ajruplan, waqqfet kull komunikazzjoni u biddlet ir-rotta tiegħu.
Jidher li din hija l-aktar teorija li qed treġġi fl-investigazzjonijiet li saru s’issa.
Madankollu ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ min seta’ għamel dan jew ir-raġuni warajha.