Possibbiltà li lingwa barranija tkun obbligatorja fil-postsekondarja

Il-MATSEC qed tipproponi xi bidliet fis-suġġetti tal-postsekondarja biex l-istudenti jiksbu ċ-ċertifikat tal-matrikola ladarba jtemmu s-sentejn tagħhom fi skola postsekondarja. Waħda mill-bidliet proposti hi li l-istudenti jkollhom jieħdu lingwa barranija, apparti l-Malti u l-Ingliż, bħala wieħed mis-sitt suġġetti magħżulin tagħhom b’mod obbligatorju.

Fi stqarrija, il-MATSEC qalet li din is-sena hija l-25 sena anniversarju tal-pubblikazzjoni oriġinali tar-regolamenti tal-eżami taċ-ċertifikat tal-matrikola. Spjegat li tul l-aħħar snin, kien hemm diskussjonijiet dwar kif jistgħu jiġu ristrutturati l-eżamijiet tal-matrikola biex jirriflettu aħjar il-bidliet soċjoekonomiċi fis-soċjetà Maltija.

Għaldaqstant, f’konferenza stampa t-Tnejn 8 ta’ Lulju, il-MATSEC se tniedi konsultazzjoni pubblika għar-riformi proposti, li huma maħsubin biex itejbu l-ħiliet tal-istudenti fil-komunikazzjoni, jagħrfu l-involviment taż-żgħażagħ fil-volontarjat mhux akkademiku, jarrikkixxu l-ħiliet interkulturali u l-identità Ewropea taż-żgħażagħ billi jintroduċu lingwa obbligatorja apparti l-Malti u l-Ingliż, jattribwixxu iżjed importanza lill-assessjar u jipprovdu sapport u rikonoxximent lill-atleti li għandhom talent.