Possibbiltà li l-għadd ta’ mwiet bil-coronavirus fi Spanja hu 60% ogħla

Fernando Alvarado/Pool via REUTERS

Investigazzjoni mwettqa mill-gazzetta Spanjola El Pais turi li r-rata ta’ mwiet fi Spanja bil-coronavirus jaf hi 60% ogħla mir-rata mħabbra uffiċjalment, dik ta’ 28,432 persuna.

Din ir-rata uffiċjali tinkludi biss nies li ġew ikkonfermati li kellhom il-coronavirus, u mhux każijiet suspettati li qatt ma ġew ittestjati għall-virus.

Ir-rapport Spanjol jgħid li nuqqas ta’ testijiet, speċjalment fil-bidu tal-imxija, jaf wassal biex in-numru ta’ mwiet imħabbar mill-awtoritajiet huwa fil-fatt ħafna inqas min-numru ta’ ħajjiet li ntemmu propju minħabba l-coronavirus.

Il-gazzetta ħadet ħsieb tgħodd l-imwiet kollha li huma suspettati li ġew ikkawżati mill-coronavirus iżda ma sarx test, u dawn ġew miżjuda man-numru mħabbar uffiċjalment, bir-riżultat ta’ 44,868 mewta. Jekk dan in-numru huwa korrett, dan ikun ifisser li fi Spanja mietu l-iżjed nies fl-Ewropa wara r-Renju Unit.

Il-Ministeru tas-Saħħa Spanjol qal li huwa segwa l-protokolli internazzjonali fl-għadd tal-imwiet bil-Covid-19, u saħaq li n-numru mħabbar uffiċjalment huwa dak korrett.