Posposti operazzjonijijet mhux kritiċi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Operazzjonijiet mhux kritiċi li kienu skedati li jsiru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkunu posposti għal ġranet oħra minħabba li l-isptar qed jaffaċċja sfidi konsiderevoli kkawżati minn numru ta’ pazjenti bl-influwenza.
Fi stqarrija maħruġa minn Vitals Global Healthcare, ġie assigurat li operazzjonijiet aktar kritiċi se jkunu qed isiru kif ippjanat.
Apparti minn hekk, wara li l-maniġment tal-isptar tkellem mal-Kapijiet tad-Dipartimenti u l-istaff mediku, ġie deċiż li żoni li jintużaw għall-pazjenti li jidħlu l-isptar għal ftit sigħat, jinqalbu temporanjament għal dawk li għandhom bżonn iqattgħu ljieli fl-isptar.
Ġie assigurat ukoll li l-istaff kollu qed jagħmel l-almu tiegħu biex is-sitwazzjoni terġa’ tiġi lura għan-normal fi żmien qasir.
Din il-ġimgħa, anke l-isptar Mater Dei ħabbar li se jkun hemm bidliet biex iż-żieda fin-numru ta’ pazjenti bl-influwenza qalila jkunu ttrattati bl-aħjar mod.
Newsbook.com.mt irrapporta kif l-influwenza qed taffettwa wkoll id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-istess sptar għalkemm il-Ministeru għas-saħħa ċaħad li hemm xi problema.
A
għfas hawn biex tara x'għandek tagħmel jekk qed tħoss is-sintomi tal-influwenza.